Ir-riskju tal-użu tal-armi nukleari jinsab fl-ogħla livell mill-Kriżi tal-Missili Kubani tal-1962. Qal dan il-President Amerikan Joe Biden.
F’diskors waqt avveniment privat, Biden qal li l-President Russu Valdimir Putin ma kienx qed jgħaddina biż-żmien meta kien tkellem dwar l-użu ta’ armi tattiċi nukleari, bijoloġiċi jew kimiċi; dan fil-mument fejn l-armata Russa dgħajjfet kontra l-qawwiet Ukreni.
L-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, it-tnejn qalu li din it-theddida għandha tittieħed bis-serjetà.
Madanakollu, il-Konsulent tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti qal li minkejja l-ħjiel tal-użu tal-armi nukleari mir-Russja, l-Amerika ma rat l-ebda sinja li r-Russja qed tipprepara b’mod imminenti biex tuża dawn l-armi.