F’konferenza tal-aħbarijiet mill-White House, il-President Amerikan Joe Biden qal kif l-operazzjoni li għaddejja bħalissa ġewwa l-Afganistan hija l-akbar u l-aktar evakwazzjoni diffiċli fl-istorja.
Il-President Amerikan qal kif mill-ġimgħa l-oħra ġew evakwati 13,000 persuna mis-suldati Amerikani.
Joe Biden, li reġa’ ddefenda d-deċiżjoni tiegħu li waqaf l-operazzjoni militari fl-Afganistan, qal kif dak li qed jiġri f’Kabul hija ta’ qsim il-qalb.
Intant fl-Afganistan hemm eluf ta’ ċittadini li se jkunu evakwati matul il-jiem li ġejjin.
Din l-operazzjoni trid issir kemm jista’ jkun malajr, għaliex it-Talibani taw ċans sal-aħħar ta’ dan ix-xahar sabiex is-suldati Amerikani jitilqu mill-pajjiż.
Iżda Joe Biden qed jikkonsidra li s-suldati Amerikani jibqgħu hemm anke wara dan il-perjodu.
Dan se jsir sabiex ikun assigurat li kull Amerikan ikun telaq minn dan il-pajjiż.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, Biden qal kif fl-ajruport ta’ Kabul hemm madwar 6,000 suldat Amerikan jassistu lil dawk li jħallu l-Afganistan mit-terrur tat-Taliban.