Il-President Amerikan Joe Biden qed jappella biex il-protesti f’Tennessee jibqgħu paċifiċi.
Dawn id-demostrazzjonijiet huma mnebbħa mill-aħħar aħbar ta’ ħames uffiċjali pulizija Amerikani li wasslu għall-mewt ta’ raġel wara li maltrattawh waqt l-arrest. Fil-fatt, huma jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Tyre Nichols ta’ 29 sena.
Aktar tard illum, il-Pulizija Amerikana se tkun qed tippubblika l-filmati meħudha minn bodycams tal-istess pulizija, fejn juru dawn il-ħames uffiċjali isawtu lil Nichols wara li allegatament twaqqaf b’suspett li kien qed isuq b’mod perikoluż.
L-avukat tal-familja tal-vittma qal li Tyre kien fi triqtu lura d-dar wara li ħa xi ritratti ta’ nżul ix-xemx meta seħħ dan l-attakk, li wassal biex Nichols jitlef ħajtu tliet ijiem wara.