“Ġibna bidla pożittiva fil-ħajja tan-nies…għamilna rivoluzzjonijiet soċjali kbar”
Hekk qal Daniel Micallef, President tal-Partit Laburista, waqt il-konferenza straordinajra tal-Partit Laburista. Qal li jekk tinsa l-ħtieġa għalfejn missirjietna ħolqu l-partit snin ilu, tkun insejt kollox. Aħjar fl-oppożizzjoni, milli nibżgħu mmexxu ‘l quddiem dak li nemmnu fih, qal Micallef.
Illum persuni omosesswali huma protagonisti, u l-pajjiż qed jgħinu biex ibiddluh u jmexxuh ‘il quddiem. Ftit ilu l-Prim Ministru kkonferma li se jagħti dritt għaż-żwieġ għal koppji tal-istess sess. Dan hu konferma ta’ kemm sar progess; dak li qabel kien taboo, illum dawn id-drittijiet hemm min jarahom bħala proposti popolisti. “Dan narah bħala kumpliment” qal Daniel Micallef.
In-negattività, tgħajjir u attakki personali, speċjalment fuq tfal, huma dawk li jnaffru lil persuni mill-politika.
Sellem lid-Deputat Prim Ministru Louis Grech, li kien ukoll repsonsabbli mill-implimentazzjoni tal-manifest elettorali li għadda.
Jekk il-poplu jtina fiduċja mill-ġdid, se jħossu ħafna aktar kburi ħames snin oħra, temm jgħid Micallef.
Huwa ressaq il-manifest għall-approvazzjoni wara d-diskors tiegħu.