Fi stqarrija l-Partit Laburista jilqa’ l-bidu tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li se jsir biex il-Gvern ikun f’pożizzjoni li jiddeċiedi kif għandu jidħol fis-seħħ il-miscarriage leave.
Dan huwa leave meħtieġ għal min jgħaddi minn korriment ta’ tarbija għax fil-jiem ta’ wara li l-omm u l-missier jgħaddu minn dawn iċ-ċirkustanzi, jkollhom bżonn appoġġ psikoloġiku u ħin xieraq sakemm jirkupraw minn din it-trawma.
Dat-tip ta’miżuri jirriflettu prinċipju ewlieni marbut mal-Partit Laburista li huwa tal-kuxjenza soċjali u huwa għalhekk li l-partit jaqbel ma’ dat-tip ta’ miżuri li se jkomplu jsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema, iktar u iktar meta llum tħabbar ukoll li l-Gvern se jkun qed jiffinanzja l-miscarriage leave.
L-istqarrija qalet li l-Partit Laburista jaqbel li qabel l-introduzzjoni ta’ dan id-dritt, bdiet issir diskussjoni u se tkompli għaddejja bis-sehem tal-imsieħba soċjali, il-korpi kostitwiti u s-soċjetà ċivili wara li l-Gvern ikun sema’ lil kulħadd, għarbel is-suġġerimenti u l-opinjonijiet ta’ kulħadd, biex finalment jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa dwar l-introduzzjoni tal-miscarriage leave.
Ir-rispons li kien hemm għall-konferenza li ttellgħet iktar kmieni llum mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul huwa xhieda ta’ kemm din il-miżura hawn bżonnha, li għandha tirrifletti l-esiġenzi ta’ dawk li jintlaqtu minn korriment ta’ tarbija u ta’ min jimpjegahom, b’tali mod li jintlaħaq kompromess dwar l-implimentazzjoni tagħha.
Il-Partit Laburista m’għandux dubju li bid-djalogu soċjali u l-parteċipazzjoni pubblika fil-konsultazzjoni li qed issir, il-Gvern se jieħu deċiżjoni kuraġġuża oħra fl-interess nazzjonali biex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.