Iż-żgħażagħ huma fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Laburista u bid-differenza tal-Kap tal-Oppożizzjoni jirrispetta liż-żgħażagħ.
Dan intqal mill-Ministru Byron Camilleri u d-Deputat Laburista Oliver Scicluna waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista f’isem il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista saħaq dan, l-għada li l-Kap Nazzjonalista qal li l-Gvern ħareġ il-White Paper għall-użu responsabbli tal-kannanbis biex jaljena liż-żgħażagħ.
Il-Ministru Byron Camilleri qal kif l-għatx għall-poter għal Bernard Grech deher ċar waqt id-diskors tiegħu tal-Ħadd, bit-tħassib prinċipali tiegħu huwa l-poter.
Semma kif in-nies jafu verament li Gvern Laburista jagħmel ir-riformi u mhux bħal ħaddieħor, iżommhom taħt it-tapit.
Qal kif taħt dan il-Gvern saru diveri riformi bħal tal-Vot 16, tal-identità tal-ġeneru u tar-rappreżentanza ugwali bejn is-sessi fil-Parlament.
Il-Ministru Camilleri stqarr: “Anke l-fatt li għamel referenza għal sondaġġ, meta ġie biex jiddiskuti din ir-riforma tal-kannabis, turi biss l-intenzjoni ta’ Bernard Grech x’inhi. L-intenzjoni ta’ Bernard Grech jew forsi l-inkwiet primarju tiegħu mhuwiex jekk pajjiżna għandux ikollu riforma kif suppost tal-kannabis, mhuwiex jekk f’pajjiżna għandniex nibqgħu naraw persuni jmorru l-ħabs għaliex jieħu joint, imma l-konsulazzjonijiet ta’ Bernard Grech huma s-sondaġġi.”
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Laburista Olivier Scicluna qal kif il-Partit Laburista b’mod fattwali huwa l-partit favur u li jemmen fiż-żgħażagħ, hekk kif huwa magħmul minnhom.
Scicluna qal kif kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni kien ta’ diżrispett lejn iż-żgħażagħ, li huma l-preżent u l-futur ta’ dan il-pajjiż.
Saħaq li l-Partit Laburista ma jarax biss liż-żgħażagħ għal skopijiet elettorali, kif għamel Bernard Grech.
Is-Sur Scicluna sostna: “Jien fl-opinjoni tiegħi, din hija politika cheap. Li tqabbel riforma li tirreġola l-użu tal-kannabis u l-mod kif iddeskrivieha, jiġifieri li saret minħabba s-survey, għax se jiffavurixxu lill-Partit Laburista, hija xi ħaġa li fl-opinjoni tiegħi wkoll, li tnaqqas ir-responsabiltà anki ta’ Kap.”