Biċċiet tal-flus imqatta li ssoltu jintremew mill-Bank Ċentrali, issa jinsabu f’wirja fil-binja tal-bank fil-Belt Valletta.
F’wirja bl-isem ta’ Skart Għani, l-artist Joseph Barbara spjega ma’ ONE News li għal dawn l-aħħar 40 sena, huwa ħaddan il-kunċett tas-sostennibilità, qabel din daħlet fis-seħħ fil-politika lokali u internazzjonali. Dan hekk kif huwa jaqbad li huwa skart u jerġa’ jużah fl-arti tiegħu.
Joseph Barbara qal “In the 80s voldieri, irrealizzajt kemm qed jintremew flixken tal-ilma u li kienu non-recyclable. Irrexxieli li niġbor ħafna flixken, ngħid in-nies anki jiġbruli u bdejt noħloq affarijiet magħmulin mill-flixken tal-ilma u affarijiet oħra, li nara li huma interessanti, hekk kif minn skart isir biċċa tal-arti.”
Fost l-affarijiet li jirriċikla hemm flixken tax-xorb, li qabel dan beda jiġi rriċiklat, huwa kien diġà beda jużah fl-arti tiegħu.
Din il-wirja ta’ Barbara fil-Bank Ċentrali kienet idea ta’ Patri Marius Zerafa qabel il-pandemija u din hija l-ewwel wirja li qed issir wara l-pandemija.
Iżda sakemm kienu għaddejjin il-preparamenti għal din l-esebizzjoni, Fr Marius Zerafa ħalla din il-dinja fl-età ta’ 93 sena u b’hekk din il-wirja qed issir ad unur għalih.
Tkellima wkoll ma’ Pauline Lanzon, membru tal-Bord Konsultattiv tal-Fond tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, li spjegat kif l-ispazju fil-bank qed jintuża biex juri l-kunċett tas-sostennibilità.
Pauline Falzon qalet “Il-bank jixtieq jippromovi l-idea li kull individwu għandu rwol sabiex ngħixu b’mod iktar sostenibbli u mhumiex biss responsabilita tal-Gvernijiet u entitajiet internazzjonali li jmexxu dan l-iskop.”