Lee N. Abela, Joseph Galea u Clive Piscopo se jinterpretaw partijiet minn ‘Il-Kappillan ta’ Malta’ waqt serata letterarja waqt it-tnedija uffiċċjali tat-traduzzjoni bil-Malti tar-rumanz bl-Ingliż maħruġ minn Nicholas Monsarrat fl-1973.
The Kappillan of Malta, ġie tradott għall-Malti biex jinqara fuq ir-Rediffusion. Iżda l-biċċiet jaħarqu tiegħu ma tqisux xierqa għas-semmiegħa Maltin u Għawdxin tas-sebgħinijiet … u tħallew barra.
It-traduzzjoni kienet saret minn Wistin Born, l-awtur magħruf ta’ Is-Salib tal-Fidda, ftit xhur wara li r-rumanz ħareġ għall-pubbliku. Born kien patri Dumnikan imħarreġ fil-Malti u, f’dawk is-snin, imqabbad sew fix-xandir pubbliku tal-Gżejjer Maltin.Il-verżjoni Maltija tar-rumanz inqrat minn Charles Arrigo fl-aħħar xhur tal-1974 u l-bidu tal-1975.
Monsarrat kellu f’moħħu udjenza internazzjonali meta kiteb ir-rumanz tiegħu. ’L hinn u ’l hawn, mingħajr ma jinstema’ wisq expliċitu, huwa daħħal biċċiet senswali li, xi minn daqqiet, taw togħma erotika lill-istorja tiegħu. F’dak iż-żmien, imma, dal-biċċiet kienu għadhom tabù f’Malta, u Born qiesha ħaġa xierqa li jħares is-sensibbiltajiet tal-Malti u l-Għawdxin.
Monsarrat kiteb The Kappillan of Malta f’Għawdex. Huwa għex fir-raħal ċkejken ta’ San Lawrenz mill-1968 sa mewtu fl-1979.
Il-partijiet senswali tar-rumanz jinkludu atti ta’ mħabba bejn qassis u mara Għawdxija (waqt li ċ-ċkejken binha kien rieqed fil-qrib), u wkoll persuni li jilagħbu bihom infushom. Dal-partijiet issa ġew inklużi f’din l-edizzjoni l-ġdida editjata minn Mark Montebello u ppubblikata mill-Pubblikaturi SKS.
Is-serata se tkun diretta minn Clive Piscopo. Mark Montebello se jitkellem dwar is-siwi letterarju ta’ dan ir-rumanz.
Il-ħruġ uffiċjali tar-rumanz bil-Malti nhar il-Ġimgħa se jsir fil-Palazzo De La Salle, Triq ir-Repubblika, Valletta, mis-7.30 ta’ filgħaxija ’l quddiem. Dħul b’xejn u jkun hemm riċeviment fi tmiem is-serata.
Il-ktieb hu għall-bejgħ fil-ħwienet ewlenin għall-prezz ta’ €12.99.