Mindu l-Gvern daħħal is-servizz taċ-childcare b’xejn eluf ta’ nisa daħlu lura fis-suq tax-xogħol ħafna aktar kmieni minn ommijiet li fil-passat riċenti ma setgħux jagħmlu dan għax riedu jħallsu għalih.
Ċifri li kiseb ONE NEWS juru mindu l-Gvern daħħal is-servizz taċ-childcare b’xejn, l-ommijiet li reġgħu daħlu fis-suq tax-xogħol telgħu minn 1,800 għal 6,000 omm.
F’intervista ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobs Plus, Clyde Caruana, spjega kif matul dawn l-erba’ snin, nisa li jkollhom wild qed jagħżlu li jidħlu qabel fis-suq tax-xogħol għax jistgħu jħallu lil uliedhom f’post sigur u mingħajr ebda piż finanzjarju.
Clyde Caruana l-Kap Eżekuttiv ta’ Jobs Plus qal: “Hekk hu, minn mindu daħal iċ-childcare b’xejn innutajna li ħafna nisa qed jidħlu jaħdmu aktar kmieni. Ġifieri fejn qabel kien ikollok aktar ommijiet li wara li jkollhom il-wild jidħlu jaħdmu wara sentejn, tlieta, issa ħafna minnhom dawk l-ommijiet qed jidħlu jaħdmu wara 6 xhur u anke sena.”
Is-Sur Caruana spjega li apparti li qed jagħżlu li joħorġu jaħdmu qabel, għadd kbir ta’ ommijiet żiedu fis-sigħat ta’ kemm jaħdmu u saħansitra kien hemm uħud li għażlu li jsibu impjieg fuq bażi full-time.
Huwa kompla billi qal li: “Apparti minn hekk ukoll qed naraw aktar ommijiet li qed jaħdmu aktar sigħat ta’ xogħol. Ġifieri fejn qabel kellek numru ta’ ommijiet li jgħażlu li jaħdmu 15-il siegħa biss fil-ġimgħa, jew 20 siegħa, issa rajna li dawk is-sigħat żdiedu għal 25 siegħa fil-ġimgħa jew anke saħansitra kellek min għażel li jaqleb għal full-time employment.”
Permezz ta’ dan is-servizz ibbenefikaw madwar 16,800 tifel u tifla ta’ taħt l-età ta’ tliet snin li jattendu f’wieħed mill-129 ċentru għall-ħarsien tat-tfal.
Is-Sur Caruana spjega li waqt li din il-miżura qed tiswa miljuni kbar fis-sena, min-naħa l-oħra ħalliet impatt dirett fuq l-ekonomija Maltija għax l-ommijiet li daħlu qabel fid-dinja tax-xogħol qed jikkontribwixxu f’taxxi diretti u indiretti lejn pajjiżna.
“Min-naħa l-oħra fuq l-impatt finanzjarju, kemm għall-familji, kif ukoll dħul għall-ekonomija, żdied drastikament, għaliex, għax fejn qabel kellek biss bejn wieħed u ieħor 1,800 omm li kienu qed jaħdmu b’tfal li huma żgħar, illum qed nitkellmu li għandek ‘il fuq minn 6,000 omm. Allura dak ifisser li filwaqt li żdiedu aktar is-sigħat, żdiedu aktar in-nies li qed jaħdmu, għandhom iktar dħul u l-istess familja allura qed jagħżlu li jikkunsmaw iktar.”