Teknoloġija fl-aqwa tagħha u spazji miftuha. Dan huwa dak li se tkun toffri il-kumpanija Gaming Innovation Group meta tiftaħ il-bibien tagħha f’San Ġiljan fejn se timpjega mitejn u ħamsin ħaddiem mat-tlett mija u ħamsin li diġa’ għandha f’pajjiżna.
Bix-xogħlijiet għaddejin iltqajna mas-CEO ta’ GiG Robin Eirik Reed li spjega kif irid il-ħaddiema tiegħu jaqsmu l-informazzjoni bl-aktar mod flessibbli u kemm jista’ jkun malajr. Reed irid li dan ikun ċentru għall-ħaddiema u l-familja tagħhom biex ikollhom bilanċ bejn ix-xogħol u familja u jgħixu ħajja sana.
Bil-bajja ta’ San Ġorġ fl-isfond, il-ħaddiema se jkunu jistgħu igawdu minn faċilitajiet mqassma fuq is-sitt sulari li jvarjaw minn ice-cream parlour, sa’ post fejn jorganizzaw Beer Nights u jaraw il-logħob tal-futbol. Dan kollu jistgħu jagħmlu użu minnu waqt il-ħinijet tax-xogħol. Iżda mhux biss hekk kif kuljum dawn se jkollhom ikla b’xejn imħejjija minn chefs professjonali.
Għalkemm oriġinarjament il-kumpanija twaqfet fin-Norveġija, fetħet l-ewwel uffiċju fil-Mosta. Illum xahrejn biss bogħod mill-ftuħ tal-uffiċini l-ġodda tal-kumpanija spjegalna x’attirah sabiex jiftaħ il-kumpanija f’Malta. Ic-CEO spjega li qed ifittxu ħaddiema minn kull settur u bħalissa hemm diversi sejħiet għall-opportunitajiet ta’ xogħol miftuħa.
Tkellimna ukoll mas-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri responsabbli mis-servizzi finanzjarji, ekonomija diġitali u l-innovazzjoni li spiega li din hija parti mill-ħidma ta’ dan il-Gvern sabiex l-IGaming f’Malta ikompli jikber.
Il-kumpanija mhux biss se tkun qed tiġġenera iktar dħul fl-ekonomija tal-pajjiż iżda se tkun qed tagħmel xogħol ieħor ta’ responsabilita’ soċjali korporattiva. Bħalissa għaddejjin b’taħdidiet dwar diversi proġetti fosthom li jirranġaw a spejjeż tagħhom id-dawl u l-pavimentar ta’ triq biżwit il-kumpanija f’San Ġiljan.