Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis żar l-iskola sekondarja ta’ Santa Luċija, fi ħdan il-kulleġġ St Thomas More, flimkien mas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Francis Fabri.
Matul din iż-żjara s-Segretarju Parlamentari Agius Decelis żar il-Health and Social Care VET Lab li jilqa’ fih studenti ta’ din l-iskola sekondarja sabiex jitgħallmu ħiliet bażiċi fil-qasam mediku u soċjali.
Is-Segretarju Parlamentari faħħar il-ħidma tas-Segretarju Pemanenti Francis Fabri u tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol f’dan is-settur. Dan il-laboratorju huwa armat bl-aħħar apparat teknoloġiku u professjonali sabiex l-istudenti jitgħallmu dawn il-ħiliet ukoll b’mod prattiku. Dan il-laboratorju jilqa’ fih studenti tas-sekondarja li filwaqt li jgħallimhom ħiliet bażiċi f’dan il-qasam, jipprepara lill-istudenti għall-futur u għall-karrieri tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari tkellem fuq l-importanza li jkollna numru sabiħ ta’ professjonisti fil-qasam soċjali, liema qasam iħalli impatt dirett fuq il-ħajja ta’ dawk ta’ madwarna. Is-Segretajru Parlamentari faħħar u rringrazzja lill-ħaddiema kollha li ħadmu sabiex jiġi stabbilit dan il-laboratorju u laboratorji oħra f’oqsma varji kemm f’din l-iskola, kif ukoll fi skejjel oħra, li jammontaw għal 80 laboratorju.
Hu saħaq li huwa konvint li l-investiment kbir li dan il-Gvern qiegħed jagħmel fl-edukazzjoni ser iħalli impatt pożittiv fuq l-istudenti li ser jagħmlu użu minn dawn il-laboratorji. B’dan il-proġett il-Gvern qiegħed joffri faċilitajiet partikolari li permezz tagħhom qiegħed ikun l-ewwel gvern fid-dinja li qiegħed joffri taħriġ divers, f’ħiliet differenti taħt saqaf wieħed. L-edukazzjoni hija l-ikbar investiment li qed jagħmel dan il-gvern sabiex jipprepara lill-istudenti għad-dinja tax-xogħol tal-lum u ta’ għada.