B’dak li qed iwiegħed il-Partit Nazzjonalista, se jkun qed jieħu l-flus mingħand 96% tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin li jaqilgħu inqas minn €60,000 fis-sena.
Qal dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kandidat Laburista Andy Ellul, fejn hawnhekk huma tkellmu kif Gvern Laburista ġdid, jekk jingħata l-fiduċja, se jkompli jħalli l-flus fil-bwiet tan-nies.
B’kuntrast għall-Partit Nazzjonalista, li evidentament m’għandux pjan ċar għal pajjiżna, il-Partit Laburista qal kif huwa se jagħti lil kulħadd mingħajr ma jieħu lil ħadd.
Il-Ministru Clyde Caruana qal kif il-wegħdiet tal-Partit immexxi minn Bernard Grech, bl-aktar mod ċar, huwa każ ta’ serq li se jieħu l-flus minn kategorija wiesa’ sabiex jagħtihom lil faxxa iżgħar.
Hawnhekk huwa spjega li l-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li jnaqqas ir-rata ta’ taxxa għal dawk li jaqilgħu aktar minn €60,000 u niżżilha minn 35% għal 25%, se tiswa €21 miljun, li se jġibhom miċ-ċekkijiet li Gvern Laburista jagħti lill-familji.
Qal, “Jidher bl-aktar mod ċar, m’aħniex qegħdin nivvintaw, dan qiegħed miktub u qiegħed hemmek bin-numri kollha. Nerġa’ nirrepeti, il-PN irid inaqqar id-dħul ta’ 96% tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin biex dawk ir-riżorsi jużahom banda oħra. Ma naħsbux li hija dik ġustizzja soċjali iżda l-mod irid ikun li meta l-pajjiż jikber ir-riżorsi tiegħu jrid jifrixhom fost il-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha.”
Fil-konferenza bit-tema Malta Flimkien, il-Ministru Caruana qal ukoll kif mit-Tnejn li ġej se jibda jitqassam iċ-ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa lil 580,000 persuna.
Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-kriżi fl-Ukrajna, il-Ministru għall-Finanzi qal kif il-pajjiż għandu l-kolp fuq il-finanzi tal-pajjiż u mhux inkwetat minn fejn ħa jiġu l-flus.
Min-naħa tiegħu Dr Andy Ellul qal kif il-proposti tal-Partit Laburista fejn jidħol it-tnaqqis fit-taxxi, juru biċ-ċar kif dan huwa l-partit li jippremja l-bżulija.
Hawnhekk huwa saħaq kif fuq it-tnaqqis fit-taxxi lill-Partit Nazzjonalista ma tistax tafdah, għax fil-passat kien kiser il-wegħda mal-poplu Malti.
Qal, “Bi Gvern Laburista l-ħaddiem ikollu paga aħjar, b’inqas taxxa. Magħna tafu fejn qegħdin, għall-kuntrarju, mal-Partit Nazzjonalista mhux talli ma nafux x’se jieħu il-ħaddiem, talli nafu x’se jeħodlok.”