In-negozjant Yorgen Fenech tpoġġa taħt att ta’ akkuża, dan hekk kif il-Maġistrat Rachel Montebello ddikjarat li hemm biżżejjed provi fil-konfront tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Maġistrat Montebello ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Fenech, dan hekk kif l-avukati Marion Camilleri, mill-uffiċju ta’ Franco Debono u l-avukat Gianluca Caruana Curran mill-uffiċċju ta’ De Marco, preżentaw rikors għall-ħelsien mill-arrest ta’ Fenech. Iżda Fenech ser ikollu jqatta’ l-Milied u l-Ewwel tas-Sena fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
It-Tnejn filgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra n-negozjant.
Fil-kontro-eżami, l-kap tal-iskwadra tal-omiċidji l-Ispettur Keith Arnaud reġa tenna li l-investigazzjonijiet fuq l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri għadhom għaddejjien fosthom biex jinstab il-mobile li Schembri qal li tilef.
L-Ispettur Arnaud qal li bejn il-lejl tal-25 u s-26 ta’ Novembru Schembri għamel użu mill-mobile tiegħu.
Spjega li fil-25 ta’ Novembru l-pulizija marret sabiex tkellem lit-tabib Adrian Vella imma dan ma bediex jiftaħ il-bieb. B’Vella qal lil pulizija li meta ra lill-pulizija wara l-bieb tad-dar, ċempel lil Keith Schembri u dan qallu biex jiftaħ lill-pulizija. Il-Pulizija fosthom qiegħda tinvestiga l-kuntatt li kien hemm bejn Vella u Schembri fil-lejl tal-arrest.
L-Ispettur Arnaud qal li l-pulizija fl-interrogazzjoni talbu lil Schembri l-password tal-icloud u gmail, iżda Schembri ma xtaqx jagħti l-password minħabba affarijiet ta’ xogħol.
Xehed li meta ġie arrestat Schembri fis-26 ta’ Novembru, ġie ssiġillat l-uffiċċju ta’ Schembri f’Kastillja.
Il-pulizija marret tagħmel it-tfittxijiet fl-uffiċċju fil-5ta’ Diċembru.
Fil-kumpilazzjoni xehdu għadd ta’ uffiċjali oħra tal-pulizija.
Xehed l-Ispettur Nicholas Vella u qal li fi 9 ta’ Settembru minn informazzjoni li rċieva beda jinvestiga informazzjoni fuq Melvin Theuma fuq affarijiet relatati ma’ ħasil ta’ flus. Qal li hu kien jaf li Theuma seta’ kien involut fil-qtil.
Fl-investigazzjoni sab li Theuma kien jopera attività illegali ta’ imħatri. B’attività qawwija kienet tkun l-Erbgħa u s-Sibt.
L-Ispettur Vella qal li fl-14 ta’ Novembru, Theuma kien ftiehem ma’ xi nies biex iġorru xi affarijiet fosthom kaxxa tal-ġelat. Xi ħin wasal f’lokalità ta’ interess u l-Pulizija arrestatu. F’din il-kaxxa bajda tal-ġelat beda jgħid li jrid jiftaħha quddiem il-Kummissarju u l-Avukati tiegħu u hekk sar meta mar fid-depot.
F’din il-kaxxa kien hemm ir-ritratt tiegħu ma’ Keith Schembri u recordings tat-telefonati ma’ Yorgen Fenech.
Xehed l-Ispettur Kevin Pulis mill-iskwadra ta’ kontra d-droga. Qal li fid-19 ta’ Novembru ġie infurmat li Yorgen Fenech qiegħed fuq jott. Niżlu fuq il-jott u hemmhekk raw lil Yorgen u l-Kaptan tal-jott. Fuq il-jott nstabu €7,000 fi flus kontanti mobile u laptop.
L-Ispettur Pulis tkellem ukoll mal-kaptan tal-jott Logan Wood impjegat ma’ Tumas Group. Il-Kaptan qal li Fenech qallu li jrid jitla’ miegħu Pozzallo minħabba tiswija tal-jott. Il-Kaptan qal li Fenech kien se jitla’ miegħu imma ma kienx se jinżel miegħu.
Kif lestew mill-jott marru jagħmlu tfittixija fir-residenza tiegħu fejn hemmhekk kien hemm il-mara tiegħu Marlene Fenech.
Xehed s-Surġent Antoine Micallef li qal li fl-20 ta’ Novembru Yorgen Fenech ħassu ma jiflaħx u ġie t-tabib Adrian Vella u tah xi mediċina.
Xehed is-Surġent Christopher Saliba u qal li għat-tfittxijiet li saru kien hemm persuni tal-Europol.
Fil-Qorti ħareġ li l-mara ta’ Yorgen Fenech, Marlene Fenech u ż-żewġ uliedu ħallew Malta meta Fenech ġie arrestat iżda reġgħu ġew Malta minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.
L-Avukat mill-uffiċċju tal-avukat ġenerali Philip Galea Farrugia qal li hemm messaġġ għand il-Europol li għandha konverżazzjonijiet maz-ziju Ray Fenech u l-Kaptan tal-jott, dwar il-vjaġġ lejn Sqallija.
Intant fil-jum li Yorgen Fenech ġie arrestat ħuh, Franco Fenech telaq bil-karozza tiegħu bil-katamaran lejn Sqallija.
Il-każ tal-kumpilazzjoni se jkompli fit-30 ta’ Jannar li ġej.