F’ċelebrazzjoni kkonċelebrata mill-Papa Franġisku nnifsu ġewwa l-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma, Monsinjur Alfred Xuereb ġie kkonsagrat Isqof Titulari t’Amantea, fl-Italja.
Biex ftit tal-ġimgħat oħra, il-Monsinjur Għawdxi se jippreżenta l-kredenzjali tiegħu lil Gvern tal-Korea t’Isfel hekk kif se jkun in-Nunzju Appostoliku għal dan il-pajjiż.Frank Zammit, Vatikanista u kummentatur fuq l-iżviluppi li jiġru fil-Kurja Rumana spjega kif bl-iżviluppi li qed jiġru fl-Asja, partikolarmanent fil-pajjiżi qrib il-Korea, Monsinjur Xuereb ingħata responsabilità importanti.
Frank Zammit spjega kif Monsinjur Xuereb serva tliet Papiet fosthom Ġwanni Pawlu t-Tieni.
Kif stqarr Monsinjur Xuereb stess, f’intervista li kien għamillu Frank Zammit seba’ snin ilu fuq dan l-istazzjon, il-qdusija ta’ Ġwanni Pawlu t-Tieni wettqet miraklu ma’ żewġ koppji li ma setax ikollhom tfal.