Fl-aħħar sigħat, il-kontinġent ta’ salvataġġ Malti fil-Libja magħmul minn 73 uffiċjal, li għaddejjin b’ħidma kontinwa bit-tama li jsalvaw il-ħajjiet, irnexxielu jtella’ għexieren ta’ iġsma bla ħajja minn qalb it-tifrik f’Derna.
Sa tard waranofsinhar, kienu ttellgħu aktar minn 82 persuna, sfortunatament kollha mejtin.
F’intervista esklussiva ma’ ONE News, iċ-Chief Assistance Rescue Officer tal-Protezzjoni Ċivili, Anthony Pisani, qalilna dak li sabu ma’ wiċċhom l-uffiċjali Maltin mal-wasla tagħhom f’Derna.
Fil-ħin li ċempilna lil Pisani llejla, kienet għaddejja operazzjoni oħra bil-għan li tiġi salvata tarbija.
“Hawn sitwazzjoni devastanti, bini mwaqqa’, l-ilma kaxkar kull ma sab, karozzi mgħaffġin, karozzi mgħerrqin taħt ir-ramel, pontijiet imwaqqgħin. Bħalissa waqt li qed inkellmek, in-nies tagħna qegħdin isalvaw tarbija li qiegħda maqbuda ġo zokk ta’ siġra, li qiegħed imdaħħal taħt saqaf kważi mwaqqa’ u n-nies tagħna qed jaħdmu taħtu biex jippruvaw joħorġu lil dan it-tifel minn kif inhu maqbud.”
F’aġġornament li ta l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri, wara konferenza tal-aħbarijiet li kellu l-Ġimgħa filgħodu, spjega kif il-lanċa P61 tal-Forzi Armati ta’ Malta tinsab stazzjonata f’Derna tistenna lill-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili li għaddejjin bl-operazzjoni bil-għan li jsalvaw il-ħajjiet.
Huwa spjega kif l-uffiċjali Maltin jinsabu fl-aktar parti milquta ta’ Derna, u l-kuntatt magħhom qed jirriżulta diffiċli peress li waqgħu s-servizzi ta’ komunikazzjoni f’Derna minħabba d-diżastru li hemm.