Matul il-lejl li għadda, l-Iran wettaq attakk fuq Iżrael permezz ta’ 300 drone u missila ballistika, li l-maġġoranza tagħhom ġew interċettati.
Dan l-attakk, li ħafna kien ilhom jistennewh, qed ikun meqjus bħala wieħed ta’ ritaljazzjoni għal attakk fuq il-Konsulat Iranjan f’Damasku fis-Sirja fil-bidu tax-xahar. Attakk li ħalla numru ta’ uffiċjali u ċittadini Iranjani mejta, fosthom il-Ġeneral Mohammed Reza Zahedi. Għal dan l-attakk Iżrael qatt ma refa’ r-responsabbiltà, għalkemm l-Iran waħħal fil-qawwiet Iżraeljani li wettquh.
Il-midja tal-Istat Iranjan, flimkien mal-IDF, il-qawwiet ta’ Iżrael ikkonfermaw l-attakk, filwaqt li sorsi Iżraeljani indikaw li l-Iran beħsiebu jwettaq iżjed attakki fuq postijiet militari.
L-ispazju tal-ajru ta’ Iżrael kellu jingħalaq, kif għamlu pajjiżi oħrajn ġirien, fosthom il-Ġordan u s-Sirja.
Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu tenna li Iżrael hu lest għal kull eventwalità, anke dak ta’ attakk dirett, hekk kif sostna li s-sistemi tad-difiża huma b’saħħithom u estensivi. Netanyahu laqqa’ wkoll il-kabinett tal-gwerra biex jevalwa s-sitwazzjoni fil-Ministeru għad-Difiża f’Tel Aviv.
Dan l-attakk, li huwa l-ewwel wieħed li qatt sar mill-art mill-Iran fuq Iżrael, ġab il-kundanna ta’ bosta pajjiżi.
Minn tal-inqas kien hemm 9 pajjiżi involuti f’din l-eskalazzjoni militari. L-attakk sar min-naħa ta’ l-Iran, bil-barka tal-Iraq, is-Sirja u l-Yemen. Filwaqt li l-missili u d-drones twaqqgħu minn Iżrael, u l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza u anke l-Ġordan.
Sadanittant, il-midja internazzjonali rrapportat li Iżrael għad m’għandux pjan ta’ difiża, iżda qal li l-Iran għadha trid tpattiha.
Il-President Amerikan Joe Biden ukoll qed ikun aġġornat kontinwament bis-sitwazzjoni u kien mistenni jiltaqa’ mal-ogħla uffiċjali tas-sigurtà fil-White House.
Il-Hamas iċċelebra l-attakk u sejjaħlu “risposta xierqa”.
Minkejja li Iżrael qal li rnexxielu jevita dan l-attakk bla preċedent, anke jekk jirriżulta li tifla ta’ seba’ snin spiċċat indarbet serjament, flimkien ma’ 11-il persuna oħra. Minbarra hekk, għadd ta’ persuni ċivili kienu sforzati jaħarbu mill-bombardamenti billi jfittxu kenn fix-xelters madwar Iżrael.
Mexxejja dinjija qed jappellaw għal trażżin tal-eskalazzjoni, biex ma jwassalx għal gwerra akbar, bejn aktar pajjiżi.
Il-mexxejja tal-akbar ekonomiji tal-G7 se jiltaqgħu b’mod virtwali biex jiddiskutu dan.