01:55: Joħroġ Adrian Delia u jintlaqa’ minn ċapċip mill-partitarji leali lejh, li nġabru barra d-Dar Ċentrali. Jgħid li l-vot ta’ sfiduċja fih kien wieħed dikjaratorju.
01:53: Joħroġ is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Francis Zammit Dimech u l-President tal-Eżekuttiv tal-PN Alex Perici Calascione. Dehru skomdi u ma wieġbux jekk urewx fiduċja fil-Kap Adrian Delia.
01:50: Stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista tikkonferma li Adrian Delia ġie sfiduċjat fil-laqgħa tal-eżekuttiv. L-istqarrija tal-PN tikkonferma n-numri li żvela ONE News jiġifieri li 47 membru tal-eżekuttiv qalu li m’għandhomx fiduċja fil-Kap Adrian Delia, 36 membru qalu li għandhom fiduċja filwaqt li membru ieħor astjena. Fl-istess laqgħa ta’ kważi seba’ sigħat ġew approvati l-ħatriet ta’ kummissjonijiet fosthom waħda għall-etika u d-dixxiplina.
01:44: Jibdew ħerġin membri tal-eżekuttiv mid-Dar Ċentrali. Adrian Delia ġie sfiduċjat it-tieni darba fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista.
01:39: Delia jitlef vot ta’ fiduċja fil-laqgħa tal-eżekuttiv tal-PN. Sorsi qalulna li 47 membru tal-eżekuttiv sfiduċjawh u 36 membru wrew fiduċja fil-Kap.
01:09: Sorsi fil-laqgħa li tkellmu ma’ ONE News qalu li bħalissa qed jittieħed il-vot ta’ sfiduċja mill-membri tal-eżekuttiv tal-PN fil-konfront tal-Kap Adrian Delia.
01:05: Għajjat kbir jinstema’ jidwi mil-laqgħa tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Il-ġurnalisti jinnutaw dan l-iżvilupp fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.
00:50: Adrian Delia jgħid li l-vot ta’ sfiduċja fih fl-eżekuttiv m’għandux jittieħed illum għax ma kienx imniżżel fl-aġenda tal-laqgħa. Chris Said jinsisti li l-vot ta’ sfiduċja għandu jittieħed illejla.
00:10: Sorsi fil-laqgħa tal-eżekuttiv għaddejja diskussjoni mqanqla u sħuna fost il-membri tal-eżekuttiv. Dawn is-sorsi qalulna li Lawrence Gonzi qed jipproponi tellieqa mat-tesserati bejn Adrian Delia u Therese Comodini Cachia. Dawn is-sorsi qalulna li imbagħad hekk tkun aktar ċara li fil-Partit Nazzjonalista min hu l-aqwa jħawwel.
23:45: Il-laqgħa tal-eżekuttiv issa dieħla fil-ħames siegħa dalwaqt. Chris Said li ressaq il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Delia l-ġimgħa li għaddiet fil-grupp parlamentari qed jgħid li għandu jittieħed vot ta’ sfiduċja fl-eżekuttiv tal-PN.
22:37: Tiżdied il-pressjoni biex Adrian Delia jwarrab minn Kap. Fil-laqgħa taħraq tal-eżekuttiv tal-PN mistenni vot ta’ sfiduċja fil-Kap fil-ħin li ġej. Sorsi jgħidu li Lawrence Gonzi qed jimbotta vot fost it-tesserati. Hemm min fil-laqgħa tal-eżekuttiv qed isemmi wkoll vot ta’ fiduċja fil-Kunsill Ġenerali. L-istatut jgħid li jridu jgħaddu sentejn mindu titressaq mozzjoni simili ta’ fiduċja f’Kunsill Ġenerali fil-konfront ta’ Kap u Viċi-Kap. Analisti politiċi qed jgħidu li fid-dawl li l-istatut ġdid għadu kif ġie approvat ftit tal-jiem ilu, dan l-artiklu dwar mozzjoni ta’ sfiduċja jista’ ma jiġix applikat b’mod retro-attiv.
21:11: Hekk kif tressqet il-mozzjoni min-naħa tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil biex jisfiduċjaw lil Adrian Delia qamet rabja kbira u kien hemm furur fost uħud il-membri tal-eżekuttiv tal-PN. Minnufih, tal-fazzjoni ta’ Delia ressqu vot ta’ fiduċja fil-Kap.
21:09: F’laqgħa tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista tressqet mozzjoni ta’ sfiduċja f’Adrian Delia. Din hija t-tieni mozzjoni kontra l-Kap Nazzjonalista wara li l-ġimgħa l-oħra tressqet waħda fil-grupp parlamentari. Il-ġimgħa l-oħra, Delia tilef mozzjoni ta’ sfiduċja hekk kif 19-il deputat sfiduċjawh. Is-sorsi tagħna fil-laqgħa tal-eżekuttiv qalulna li t-tabib Dr. Michael Asciak, bħala membru tal-eżekuttiv ressaq din il-mozzjoni. Asciak huwa eks kandidat tal-PN u eks deputat Nazzjonalista li kien ħa siġġu parlamentari meta Tonio Borg laħaq Kummissarju Ewropew fl-2012. Asciak jidher li issa jinsab mal-fazzjoni favur Therese Comodini Cachia. Nifhmu li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil qed jagħmlu tentattiv ieħor li jisfiduċjaw lill-Kap Nazzjonalista, din id-darba f’organu ieħor tal-partit tal-maduma.
20:20: Diversi partitarji Nazzjonalisti jinsabu barra d-Dar Ċentrali u bdew jiffirmaw fuq karti. Mhux eskluża petizzjoni spontanja fejn dawk favur Adrian Delia qed jitolbu għat-tkeċċija tad-deputati Nazzjonalisti li sfiduċjaw lill-Kap Nazzjonalista l-ġimgħa li għaddiet.
19:30: L-eks Prim Ministru u Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi jasal għal-laqgħa tal-eżekuttiv.
19:20: Spikkat it-tensjoni hekk kif waslet Therese Comodini Cachia fid-Dar Ċentrali.
18:54: Qabel ma daħal għall-Eżekuttiv id-Deputat Nazzjonalista li vvota favur Delia, qal li jittama li wara d-deċiżjoni tal-President jingħalaq dan il-każ. Sostna li jekk dawn id-deputati ma joqogħdux għal din id-deċiżjoni, dawn għandhom jaffaċċjaw il-konsegwenzi liema konsegwenzi għandhom ikunu diskussi internament.
18:52: Il-membru tal-Eżekuttiv mill-fazzjoni ta’ Adrian Delia, issemmi l-fatt li meta lura fl-2012 l-eks Deputat Franco Debono kien sfiduċja t-tmexxija tal-Eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi, kienu ttieħdu passi kontrih u għalhekk issa qed jistenna li jsir l-istess.
18:50: Hu u dieħel id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone qal li għandu jiskatta proċess biex jinħatar Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
18:45: Jibdew deħlin id-deputati u membri tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista fosthom l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi. Fil-laqgħa tal-eżekuttiv hemm diskussjoni taħraq dwar il-kriżi fil-bankijiet tal-Oppożizzjoni.
Beda jitlaqqa’ l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista fost il-ġlied u l-inkwiet intern li għaddej fil-partit imexxi minn Adrian Delia.
F’eżekuttiv ta’ madwar tmenin membru, presedut minn Alex Perici Calscione għaddejjin ħafna battibekki dwar id-deċiżjonijiet li għandu jieħu l-Kap u dawk id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fil-konfront tal-Kap.