Wara li f’Jum il-Ħelsien daħal fis-seħħ avviż legali li ma jippermettix ġemgħat ta’ aktar minn tliet persuni fil-pubbliku, tmien persuni tħarrku wara li nqabdu jiksru dan l-obbligu. B’kollox dawn se jkunu qed iħallsu tmien mitt ewro bejniethom.
Pulizija minn diversi sezzjonijiet fosthom tad-distrett, tal-K9 u tal-kavallerija ħarġu fit-toroq Maltin biex iferrxu l-ġemgħat.
Fl-inħawi tal-Armier ONE News tkellem mas-Surġent Rodienne Bartolo Haidon. Qalet li waqt dawn ir-rondi l-Pulizija jaf jistaqsu n-nies juru l-karta tal-identità.
“F’din l-area fejn qegħdin bħalissa jidher li s-sitwazzjoni hija kemxejn kwieta bħala gruppi ta’ nies li jinġabru għall-kuntlarju ta’ ftit ġranet ilu. Jidher li l-avviż legali diġa dalgħodu, in-nies bdew jobdu, f’dawn l-inħawi. Pero ovvjament għadna għaddejjin bl-ispezzjonijiet f’ħafna postijiet iktar madwar Malta iġifieri għandna la cavalleria qegħdin l-Aħrax tal-Mellieħa, is-sezzjoni tal-klieb qegħdin tas-Sliema, San Ġiljan, Wied il-Għajn, id-distretti kollha iġifieri qegħdin ninfurzaw kemm jista’ jkun kullimkien.”
Tlajna wkoll sal-Aħrax tal-Mellieħa fejn sibna l-pulizija tal-kavallerija biż-żwiemel b’seba’ għajnejn fuq il-karozzi li għaddew minn din l-akwata li ssoltu tkun miżgħuda bin-nies.
Spikkat ukoll il-preżenza tal-Pulizija f’Tas-Sliema.
“Bħalissa ninsabu max-xatt ta’ Tas-Sliema fejn il-pulizija mis-sezzjoni tal-K9 qed iduru mat-toroq Slimiżi biex ixerrdu ġemgħat ta’ aktar minn tliet persuni.”
Jidher li l-avviż legali qiegħed jilħaq l-għan tiegħu hekk kif it-toroq Maltin f’Jum il-Ħelsien, jum xemxi għall-aħħar, baqgħu kwieti xorta waħda.
Intant sitt persuni persuni ġew immultati tlett elef ewro kull wieħed wara li fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa nstabu li qed jiksri l-liġi tal-kwarantina obbligatorja.