Quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff illum se jkompli l-każ kostituzzjonali li fetaħ in-negozjant Yorgen Fenech kontra l-investigatur ewlieni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Ispettur Keith Arnaud.
F’Novembru li għadda waqt li kien qiegħed jiġi interrogat, Yorgen Fenech, fetaħ każ kostituzzjonali l-Qorti li matulha ilmenta li ma jridx lill-Ispettur Arnaud jinvestiga l-każ.
09:20- L-Avukati ta’ Yorgen Fenech, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri, ma kellhomx aktar mistoqsijiet għall-Ispettur Keith Arnaud, li dwaru fetħu l-każ l-Qorti.
Bl-Imħallef Mintoff qal lill-Avukati ta’ Fenech li kellhom żmien jippreparaw sabiex illum jagħmlu l-kontroeżami lill-Ispettur Arnaud. Iżda l-Avukati ta’ Fenech qalu li m’għandhomx mistoqsijiet għall-Ispettur Arnaud.
09:14- Fuq il-pedana tax-xhieda beda jixhed l-Ispettur Nicholas Vella mill-Iskwadra Kontra l-Ħasil ta’ Flus. Dwar l-impjieg tal-middleman Melvin Theuma qal illi rriżulta li Theuma kellu impjieg ma’ kumpanija relatata mal-istat. Dwar dan l-impjieg għaddejja inkjesta Maġisterjali.
L-Ispettur Vella qal li dwar il-leaks mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija, fl-2019 l-Assistant Kummissarju Ian Abdila ħatar żewġ Spetturi tal-pulizija sabiex jinvestigaw dawn l-allegazzjonijiet.