Il-Gvern mhux talli ma skartax il-wegħda tal-Fast Ferry kif kienet proposta, talli bħalissa hemm miftuħa s-sejħa għal dan is-servizz b’mod iżjed estensiv.
Qalu dan fi stqarrija konġunta, il-Ministeru għat-Trasport u l-Ministeru għal Għawdex.
Dawn innutaw b’sodisfazzjon ir-risposti sottomessi mill-Awtorità għat-Trasport f’Malta quddiem il-Bord għall-Kuntratti Pubbliċi, rigward is-sejħa għal servizzi ta’ trasport bil-baħar li ħarġet l-istess awtorità matul ix-xahar li għadda.
Intqal li l-bidla fil-politika f’dan ir-rigward kienet dik li toħroġ sejħa kummerċjali minflok waħda integrata mal-obbligi tas-servizz pubbliku li jopera fih il-Gozo Channel.
Wara stħarriġ li sar minn esperti rispettati, l-Awtorità għat-Trasport f’Malta ħadet id-deċiżjoni li toħroġ sejħa fejn dawk li jressqu l-offerta huma mistiedna jissottomettu u jiżviluppaw skeda b’ħinijiet u b’rotot li jridu jinkludu sitt postijiet mandatorji. Dan bil-għan li pajjiżna jkollu servizz bil-baħar mgħaġġel u nadif li jgħaqqad dawn il-postijiet, li jinkludu l-gżira Għawdxija, Marsaxlokk, Ta’ Xbiex, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan u l-Belt Valletta.
Għaldaqstant, il-gvern huwa sodisfatt ukoll li permezz tas-sottomissjonijiet li għamlet l-Awtorità għat-Trasport f’Malta, din qed tinsisti li din is-sejħa għandha titkompla u mhux titwaqqaf, sabiex il-poplu jibda jgawdi minn dawn il-konnessjonijiet ġodda.