Huma 380 il-pazjenti li bħalissa qed jingħataw il-kura fl-Isptar Monte Carmeli.
Mitejn u disgħa huma rġiel, u l-oħrajn nisa. L-iżgħar pazjent għandu tmien snin, u l-ikbar hija anzjana ta’ sitta u disgħin sena.
Għalkemm huma ħafna s-sitwazzjonijiet li jwasslu biex pazjent ikollu bżonn kura fi sptar ta’ saħħa mentali – ewlenin fosthom il-psikożi u d-dipressjoni, l-aktar komuni hija d-droga.
F’intervista ma’ ONE News, il-psikjatra Anton Grech spjega li kulma jmur, l-abbuż tad-droga qed jiżdied, u l-età qed tonqos.
Qal li dan qed ikollu impatt kbir fuq is-saħħa mentali, u l-vittmi jirrikorru Monte Carmeli biex jew iwaqqfu l-vizzju, jew jikkontrollaw l-effetti ħżiena tad-droga.
Grech qal li “Barra n-nies li jbatu huma minn problemi ta’ droga, qed naraw iktar effetti psikjatriċi minħabba l-abbuż ta’ sustenzi speċjalment minħabba s-synthetic drugs li l-użu tagħhom qed jiżdied u hawn min jaffettwawh li jiġi fi stat akut li ma jkollux kontroll fuqu nnifsu u jkollu bżonn jiddaħħal l-isptar.”
B’dan ix-xenarju fl-isfond, l-Isptar Monte Carmeli imbarka fuq numru ta’ riformi bil-għan li jnaqqas it-tabù fuq is-saħħa mentali u jgħin dejjem aktar lill-pazjenti.
Waħda mill-akbar bidliet li seħħew fl-aħħar xhur tindirizza l-kura akuta, fejn minn Ottubru li għadda fl-Isptar Monte Carmeli twaqqfu tliet timijiet magħmula minn konsulenti, psikologi u social workers iffukati fuq reġjuni differenti fil-pajjiż.
Spjega kif “It-timijiet ta’ kura akuta inqasmu skont ir-reġjuni ta’ Malta biex imbagħad meta l-pazjenti jmorru fil-komunita jistgħu jibqgħu jarawhom it-timijiet ta’ dik il-komunita ħalli jkun hemm dik li ngħidulha continuity of care.”
Din hija waħda minn bosta miżuri li qed jittieħdu biex jitjiebu s-servizzi f’Monte Carmeli, bil-għan li l-isptar ikun imħejji sew għal meta jinbena sptar mentali ġdid f’Mater Dei hekk kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista.
Qal li “Parallel mal-improvement fl-Isptar, qegħdin kemm nistgħu nsaħħu s-servizzi ġol-komunita biex in-nies jistgħu jieħdu l-kura qabel mal-affarijiet jiġu severa, biex in-nies li jkunu fl-isptar jistgħu joħorġu u jsibu l-għajnuna, u wkoll qed insaħħu minn issa s-servizzi fl-Emerġenza ta’ Mater Dei biex dak li jkun fi kriżijiet għandu fejn imur u ma jkollux għax jiġi l-isptar kemm jista’ jkun.”