Bħalissa hawn ftit aktar minn miljun u sitt mitt elf każ ikkonfermat ta’ Coronavirus f’185 pajjiż u bl-imwiet ilaħħqu kważi mitt elf. Il-maġġoranza ta’ dawn huma f’pajjizi Ewropej, bi Spanja u l-Italja jirreġistraw l-aktar każijiet.
Fi Spanja ġew irreġistrati 605 imwiet fl-aħħar 24 siegħa, l-inqas rata f’dawn l-aħħar ġimgħatejn, li skont il-Prim Ministru Spanjol juri li għaddiet mill-agħar perjodu tal-pandemija.
Il-Ġimgħa, il-Belġju rraportat 496 mewt, l-akbar ammont mindu faqqet il-pandemija fil-pajjiż. B’hekk in-numru ta’ mwiet ilaħħaq it-3,019 persuna.
Fl-Ingilterra ġew irraportati 866 imwiet, biex b’hekk in-numru ta’ persuni li mietu fl-Ingilterra tela’ għal 8,114. Qed ikun irrapportat ukoll li anzjan ta’ 101 sena irkupra kompletament mill-virus.
l-Istati Uniti għad għandha l-akbar numru ta’ każijiet li kważi jleħħqu n-nofs miljun, bl-Istat ta’ New York issa għandu aktar każijiet minn kwalunkwe pajjiż ieħor barra l-Istati Uniti. Hawnhekk, il-vittmi ta’ dan il-virus qed jindifnu f’sit li ilu 150 sena jintuza għal dfin tal-massa.
Rapporti mill-midja internazzjonali qed jgħidu wkoll li xjentisti fl-Amerika waslu biex itemmu testijiet li jiddeterminaw jekk persuna kellhiex il-virus jew le.
Madwar id-dinja wkoll, dawk ta’ fidi Nisranija qed ifakkru l-ġrajja tal-Passjoni mingħajr is-servizzi solenni tal-knisja jew il-purċissjonijiet. Grupp żgħir ta’ persuni għamlu quddiesa fil-Knisja tas-Sepulkru Mqaddes f’Ġersalemm, is-sit fejn hu mifhum li ssallab Ġesù.
Fil-Ġimgħa l-Kbira, il-Papa Franġisku se jqaddes ċerimonja tal-Ġimgħa l-Kbira fil-pjazza vojta ta’ San Pietru.