Ġuvni Olandiż ta’ 19-il sena tilef ħajtu wara li ntlaqat minn jetski fil-bajja ta’ San Ġorġ f’ San Ġiljan.
L-inċident seħħ fit-tlieta u nofs tal-Erbgħa waranofsinhar.
Il-ġuvni, li kien joqgħod Tas-Sliema, intlaqat minn jetski li kien qed jinstaq minn ġuvni Olandiż ieħor li għandu dsatax-il sena wkoll u joqgħod Tas-Sliema wkoll.
Immedjatament il-ġuvni ttella l-art u ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku li kien fuq il-post, iżda sfortunament ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Sorsi qrib dan l-istazzjon qalu li bħalissa l-Pulizija qed tkellem żewġ żgħażagħ ta’ nazzjonalità barranija biex jgħinuha fl-investigazzjonijiet dwar dan il-każ.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella, li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.