Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar iċ-Ċentru taż-Żgħażagħ Sależjani, fejn qed isir xogħol ta’ titjib mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi b’investiment ta’ madwar €150,000.
Il-Ministru Ian Borg qal, “Il-faċilitajiet u l-ispazji tal-komunità huma fost l-ogħla prijorità ta’ dan il-Gvern. Dan għaliex aħna nemmnu li dawn jaffettwaw direttament il-kwalità tal-ħajja tar-residenti fi kwalunkwe lokalità kkonċernata. Filwaqt li aħna kommessi li nżommu l-impenn kontinwu tagħna sabiex noħolqu u ntejbu aktar spazji miftuħa, aħna qegħdin nikkumplimentaw ukoll din il-ħidma permezz ta’ aktar interventi f’dawn l-ispazji u binjiet fejn wara kollox il-komunitajiet tagħna jgħixu l-ħajja soċjali tagħhom. Dawn it-tip ta’ organizzazzjonijiet huma l-qalba tal-ibliet u l-irħula tagħna u b’hekk aħna nibqgħu impenjati li nsostnuhom u ngħinuhom kemm nistgħu. Fuq kollox, kommessi li nkomplu nwasslu aktar proġetti fl-ispazji komunitarji.”
Il-proġett huwa maqsum fuq żewġ fażijiet. L-ewwel fażi kienet tikkonsisti fiż-żarmar tal-folji tal-metall u t-twaqqigħ tal-istrutturi u t-taraġ eżistenti biswit il-kappella u l-uffiċini. Ladarba x-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u tħaffir ġew finalizzati, bdew ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li kienu jinkludu bini tal-pjan terran u l-ewwel sular biswit il-kappella u xogħlijiet ta’ alterazzjoni biex jiġu inkorporati l-istrutturi proposti fil-bini eżistenti.
Meta jkun lest, il-pjan terran se jinkludi showers u faċilitajiet sanitarji, maħżen domestiku, lift għall-passiġġieri u turġien li jwasslu għall-ewwel sular. Barra minn hekk, l-ewwel sular se jinkludi wkoll faċilitajiet sanitarji, maħżen domestiku, kif ukoll aċċess għas-sala fl-ewwel sular.
Min-naħa l-oħra, it-tieni fażi tikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ estensjoni tat-tuck shop minflok it-taraġ eżistenti li jwassal għas-sala fil-livell tal-ewwel sular. Ladarba jitlesta dan, l-ewwel sular se jikkonsisti f’kamra multi-sensorjali.
Fil-jiem li ġejjin, mistenni jsir it-tqegħid tax-xorok tal-konkrit fl-ewwel sular, kostruzzjoni tal-parapett, kisi tas-saqaf u waterproofing.