L-eks President Amerikan, Donald Trump kien ferut f’attentat ta’ qtil waqt rally f’Pennsylvania waqt li partitarju inqatel u tnejn oħra weġġgħu serjament.
Filmati ppubblikati fuq il-midja internazzjonali juru lil Trump, li kien qed jindirizza rally f’Butler, Pennsylvania, jitbaxxa hekk kif instemgħu għadd ta’ tiri li kienu ġejjin mill-għoli. F’analiżi li saret aktar tard intqal kif aktarx l-aggressur, identifikat bħala Thomas Matthew Crooks ta’ 20 sena, spara minn fuq bejt ta’ binja qrib minn fejn kienet qed titella’ l-attività politika mal-mija u ħamsin metru ‘il bogħod minn fejn kien Trump.
Trump intlaqat minn tir f’widnejh il-leminija, u deher jitneħħa minn fuq il-palk minn aġenti tas-servizz sigriet Amerikan waqt li deher xi demm ma’ wiċċu kawża ta’ tir li ntlaqat bih.
Ftit tas-sigħat wara l-isparatura kienu l-FBI li kkonfermaw kif dan kien attentat ta’ qtil fuq l-eks President Amerikan waqt li l-investigazzjonijiet preliminiari qegħdin juru kif l-allegat aktarx kien qiegħed jaġixxi waħdu.
L-aggressur inqatel fuq il-post mill-servizzi sigrieta Amerikana. Trump deher imbagħad jgħolli jdejh u jgħaddi messaġġ lil dawk preżenti waqt li kien qed jittieħed lejn karozza li ħaditu lejn sptar fil-qrib.
Kienu bosta mexxejja li rreaġixxew għal dan l-attentat ta’ qtil, b’mod partikolari, l-President attwali Joe Biden stqarr li huwa jinsab grat li Trump kien sigur u jinsab tajjeb. Fl-istess messaġġ fuq il-midja soċjali, Biden ikkundanna din it-tip ta’ vjolenza fl-Istati Uniti u ħeġġeġ biex il-poplu Amerikan jingħaqad f’din il-kundanna.
Intant, Biden ħalla d-dar tiegħu f’Delaware u mar lejn il-kapitali Washington hekk kif l-kampanja tiegħu ġiet sospiża. Madanakollu, l-kampanja ta’ Trump qalet li hu se jkun preżenti għall-Konvenzjoni tar-Repubblikani t-Tnejn.
BREAKING: 🇺🇸 Former President Donald Trump shot at rally. pic.twitter.com/SnQe62Vu4d
— Watcher.Guru (@WatcherGuru) July 13, 2024