Aktar minn 10,000m² ta’ art agrikola f’żona magħrufa bħala Ta’ Brija, fil-limiti tas-Siġġiewi, li matul is-snin ġiet ikkonvertita illegalment fi scrapyard kbira, qiegħda titreġġa’ lura għall-istat oriġinali tagħha wara li l-Awtorità tal-Ippjanar bdiet twettaq operazzjoni ta’ azzjoni diretta.
Uffiċjali mid-Direttorat tal-Konformità u Infurzar fi ħdan l-Awtorità, akkumpanjati minn membri tal-Korp tal-Pulizija, marru kmieni dalgħodu wara li l-okkupant tas-sit ġie mwissi, f’diversi okkażjonijiet, biex jimxi bis-sħiħ mal-avviżi tal-infurzar li nħarġu fuq is-sit u jnaddaf issit.
Trakkijiet ta’ materjal inħarġu mis-sit, li jokkupa żona estensiva ta’ art. Il-materjal kien jikkonsisti prinċipalment minn vetturi abbandunati u partijiet relatati li ġew mormija f’żona li tintuża għal attività agrikola.
Waqt l-operazzjonijiet li għaddejjin, membri tal-Korp tal-Pulizija (Rapid Intervention Unit) kellhom jintervjenu u jarrestaw lil min kiser il-liġi wara li dan sar aggressiv u hedded lill-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar. Qabel l-operazzjoni, l-Awtorità kkonsultat ma’ entitajiet governattivi oħra biex tiżgura li l-materjal miġbur jiġi mormi kif suppost.
B’mod parallel ma’ din l-operazzjoni, it-tim ta’ azzjoni diretta fi ħdan l-Awtorità qiegħed inaddaf ukoll sit ieħor fi Triq Ħal Tarxien, iż-Żejtun. Dan is-sit inbidel ukoll fi scrapyard illegali.
F’dan il-każ, is-sid qed jikkoopera mal-istruzzjonijiet u qiegħed inaddaf is-sit taħt issuperviżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.
L-Awtorità tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku li vetturi qodma u skart ieħor simili għandhom jintremew biss b’mod responsabbli f’faċilitajiet ta’ skart liċenzjati.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/19101750/scrapyard.jpg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/19103018/WhatsApp-Image-2022-10-19-at-10.28.23-1024x768.jpeg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/19103018/WhatsApp-Image-2022-10-19-at-10.28.22-1024x768.jpeg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/19103018/WhatsApp-Image-2022-10-19-at-10.28.21-1024x768.jpeg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/19103018/WhatsApp-Image-2022-10-19-at-10.28.19-1024x768.jpeg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/19103018/WhatsApp-Image-2022-10-19-at-10.22.45-1-1024x768.jpeg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/19103018/WhatsApp-Image-2022-10-19-at-10.21.44-1-1024x768.jpeg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/19103023/WhatsApp-Image-2022-10-19-at-10.15.39-2-1024x768.jpeg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/10/19103023/WhatsApp-Image-2022-10-19-at-10.15.37-2-1024x768.jpeg)