Ftit wara t-tmienja ta’ dalgħodu, il-pulizija arrestat żagħżugħ fi Vjal il-Kottoner, il-Fgura, wara li hu mifhum li dan saq fuq karozza tal-Pulizija u pprova jaħrab.
Persuna li nzertat tippassiġġa fit-triq qalet lil ONE News li kienu preċiżament it-8:06am meta żewġ karozzi, mifhuma li huma tas-CID, kienu kostretti jaħbtu fil-karozza taż-żagħżugħ li kienet qed taħrab mill-pulizija.
Dak il-ħin il-karozzi mblukkaw u ċċirkondaw lill-karozza taż-żagħżugħ u dan ġie arrestat minnufih.
Persuna fuq il-post qaltilna li ż-żagħżugħ anki beda joffri reżistenza hu u jiġi arrestat u pprova jaħrab.
Il-karozzi, tlieta b’kollox, ġarrbu xi ħsarat.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News jidher li meta l-Pulizija għamlu sinjal lir-raġel biex jieqaf huwa ma obdiex l-ordnijiet tal-pulizija u baqa’ jsuq b’veloċita ‘l quddiem.
ONE News huwa infurmat li wara l-arrest, f’temp ta’ ftit minuti ġew pulizija oħra tar-Rapid Intervention Unit, tad-Distrett u tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.
L-istess sorsi qalulna li l-Pulizija mistennija tkompli bl-investigazzjoni tagħha f’numru ta’ postijiet oħra filwaqt li r-raġel se jittieħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.