Mill-elfejn u ħmistax sal-lum, taqsima li tispeċjalizza f’servizzi lil vittmi t’abbuż sesswali fi ħdan Victim Support Malta, għenet xejn inqas minn tliet mija u disgħa u erbgħin persuna.
Bħalissa, tnejn u tmenin persuna li sofrew minn xi tip ta’ abbuż sesswali jew stupru, qed jingħataw l-għajnuna minn tim ta’ professjonisti.
Il-maġġoranza tagħhom huma nisa u sitta rġiel.
Kyra Borg, il-Kap ta’ CVSA fi ħdan Victim Support Malta stqarret: “Ħafna mill-irġiel esperjenzaw iktar abbuż sesswali meta kienu żgħar filwaqt li n-nisa, it’s more common li jesperjenzaw tip ta’ sexual assault jew rape during their lifetime at an older age.”
Kyra spjegat li ħafna minn dawn il-każijiet ma jiġux irrapportati lill-Pulizija u dan għal diversi raġunijiet.
Fost l-oħrajn, ikun hemm min jibża’ mill-aggressur, iħossu mbarazzat b’dak li ġara jew saħansitra jibża’ li ma jsibx l-għajnuna li għandu bżonn.
Borg sostniet: “Ġieli jkun hemm a lack of knowledge ta’ eżattament x’inhu sexual assault or rape u ma jkunux ċerti jekk huma esperjenzawx sexual assault or rape allura jżommu lura.”
Każijiet bħal dawn mhux biss jikkawżaw uġigħ fiżiku, imma riperkussjonijiet psikoloġiċi kbar.
Borg fissret: “Il-vittmi jħossuhom imbeżżgħin, forsi they experience symptoms ta’ PTSD bħal intrusive thoughts, anxiety, panic attacks and the deep sense of shame tibqa’ magħhom for a very, very long time.”
Il-Gvern, permezz ta’ ftehim ta’ tliet mitt elf ewro fuq tliet snin, jgħin lil Victim Support Malta tagħti servizzi li jiswew mitqlu deheb lil min ikun għaddej minn dawn is-sitwazzjonijiet.
Borg temmet tgħid: “Is-servizzi tagħna basically li noffru fil-Care for Victims of Sexual Assault hija terapija, servizzi ta’ psikjatra kif ukoll servizzi legali. Dawn is-servizzi kollha jingħataw bla ħlas u nippruvaw nagħtu sapport lill-vittma b’mod ħolistiku.”
Kull min għaddej minn xi tip ta’ abbuż sesswali jew jaħseb li ġie stuprat, jista’ jagħmel kuntatt ma’ Victim Support Malta billi jċempel fuq 21228333 jew jimla formola fuq is-sit elettroniku www.victimsupport.org.mt u jiġi kkuntattjat mill-professjonisti.