“Il-Gvern se jassigura li l-għasafar taċ-ċomb jibqgħu jtiru.”
Kliem il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, Silvio Schembri, meta f’wieħed mill-ewwel jiem tiegħu f’din il-kariga, żar id-Dipartimenti kollha tal-Air Malta.
Il-Ministru Schembri ltaqa’ ma’ ħaddiema f’bosta oqsma differenti tal-kumpanija, li ħafna minnhom jaħdmu minn wara l-kwinti iżda li xogħolhom huwa kruċjali biex joperaw it-titjiriet.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Schembri qal li b’din iż-żjara jrid jibgħat messaġġ li l-Air Malta se tibqa’ tingħata priorità f’Ministeru vast bħalma huwa dak tal-ekonomija.
“Meta l-Prim Ministru tani din ir-responsabbiltà wkoll tal-Air Malta lqajta b’ċertu entużjażmu. Ilqajtha b’ċertu entużjażmu għax kont konvint, u llum ikkonfermajt, kemm il-ħaddiema tal-Air Malta għandhom għal qalbhom il-linja nazzjonali u allura meta inti jkollhom xi ħaġa għal qalbek tagħmel minn kollox biex taraha timxi ’l quddiem.”
B’viżjoni għall-ġejjieni, il-Ministru spjega li l-Air Malta għandha tħares lejn swieq ġodda, u nnota li ħafna mill-ideat għas-suċċess ma jiġux mill-politiċi.
Fil-fatt tenna l-impenn tiegħu li jisma’ lill-esperti fis-settur u jkun ta’ spalla għall-ħaddiema biex flimkien jibnu s-suċċessi.
“L-Air Malta, minkejja li ġiet miżjuda taħt dir-responsabbiltà, mhux se tkun qed tingħata l-ġenb, anzi kienet l-ewwel visit li jiena għamilt sabiex nuru li l-Air Malta se tingħata l-importanza kollha neċessarja li għandha bżonn u nkomplu bl-istrateġija tat-tkabbir biex nibqgħu nkunu proud li l-għasafar taċ-ċomb baqgħu jtiru.”
Iċ-Chairman tal-kumpanija, in-Nutar Charles Mangion, qal li l-linja tal-ajru Maltija dejjem assigurat konnettività sigura li għenet lill-ekonomija tkompli tikber.
Qal li sfidi f’dinja bħalma hi dik tal-avjazzjoni, dejjem ikun hemm, iżda nnota s-suċċessi li nkisbu fl-aħħar snin.
Temm jgħid li l-Air Malta trid iżżomm kompetittiva filwaqt li jkollha servizz tajjeb li jaqdi l-bżonnijiet tan-nies, u rringrazzja lill-ħaddiema kollha li dejjem ħadmu b’dedikazzjoni biex jilqgħu għall-isfidi.