Propju ġimgħa qabel jinqara l-baġit għas-sena d-dieħla l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu laqgħa mal-kamra tal-kummerċ fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja.
Matul il-laqgħa l-Prim Ministru fakkar kif fl-ewwel 9 xhur ta’ din is-sena diġà kienu twettqu aktar minn tliet kwarti mill-miżuri tal-budget tas-sena li għaddiet. Sostna li Bħala Gvern inħares lejn il-budget bħala pjan strateġiku u mhux pjan ta’ sena waħda biss.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li fil-budget li ġej il-Gvern irid jassigura s-sostenibilità tat-tkabbir tal-ekonomija u tenna li għalkemm il-livell huwa wieħed ta’ bejn 6% u 7%, se tkompli ssir ħidma biex ir-ritmu jinżamm u dawn il-livelli jiġu meqjusa bħala n-norma l-ġdida.
Dr Muscat tkellem ukoll dwar il-kompettività ta’ pajjiżna u spjega li minkejja li kien hemm żieda fil-pagi l-kompettività ta’ pajjiżna xorta baqgħet waħda b’saħħitha. Dwar il-pagi l-Prim Ministru tenna li minkejja li kienet irreġistrata żieda, l-ħidma f’dan ir-rigward qatt ma tkun biżżejjed u tenna li huwa ma jridx ekonomija bbażata fuq pagi baxxi.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Kamra tal-Kummerċ il-Perit David Xuereb tenna ħadd ma jista’ jiddubita s-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna iżda fl-istess waqt tenna wkoll li dan is-suċċess mhux xi ħaġa li għandha tittieħed b’mod ovvju.
Fost l-affarijet li jinsabu fost il-prioritajiet għall-kamra tal-kummerċ għall-baġit li jmiss hemm li jinċentivaw aktar tkabbir ekonomiku u li tiġi mtejba l-kwalità tal-ħajja. Il-Perit Xuereb wera wkoll tħassib żiediet fl-infieq fuq min iħaddem bħal leave addizzjonali u piżijiet oħra li jaqgħu fuq min iħaddem.
Il-Kamra tal-Kummerċ ppreżentat ukoll numru ta’ proposti sabiex jittejbu numru ta’ setturi bħat-trasport, ir-riforma tal-liġi tal-kera u aktar ħidma fejn jidħlu s-servizzi finanzjarji.