Bħal Simon Busuttil, it-tliet kontestanti għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista huma kontra l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment li għandha Malta.
F’intervista ma’ The Observer, Adrian Delia , Chris Said u Alex Perici Calascione għamluha ċara li bihom dan il-programm li attira lejn Malta nies ta’ talent u investiment ta’ miljuni kbar ta’ ewro jew jisparixxi jew ma jibqax kif inhu.
Fil-fatt, it-tliet kontestanti kien mistoqsija x’jagħmlu bil-programm taċ-ċittadinanza b’investiment jekk jinħatru Prim Ministri.
It-tweġiba tal-avukat Adrian Delia kienet waħda ċara. Qal li huwa kontra l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
Dak li ddeskriva bħala bejgħ ta’ passaporti Adrian Delia pprova jagħti l-impressjoni li ma jistax għalih.
Peró d-ditta legali li jagħmel parti minnha Delia, il-programm tal-IIP jgħoġobha.
Tant li Aqeuitas legal, li fiha hemm l-istess Delia u galoppin ieħor tal-Partit Nazzjonalista, bl-isem ta’ George Sapiano dan is-servizz toffrih lill-klijenti tagħha.
Filfatt, fuq is-sit elettroniku ta’ din id-ditta legali hemm spjegat li joffru għajnuna lill-klijenti li jixtiequ jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija billi jinvestu f’pajjiżna.
Biex Adrian Delia jinsab fl-istess pożizzjoni tal-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Ann Fenech, fejn filwaqt li fil-pubbliku jagħmlu l-kruċjati kontra l-programm biex ikunu bħal Simon Busuttil, id-ditta li għandhom interess fiha tħaddem dan il-programm.
Il-Kandidat Alex Perici Calascione ukoll iddikjara li huwa kontra din l-iskema.
Filwaqt li Chris Said ukoll ma tgħoġbux kif inhi.
Biex it-tliet kontestanti huma kontra l-IIP anke jekk din hi skema li kif jgħid is-sit elettroniku tad-ditta legali tal-avukat Delia, hija waħda li għandha l-barka tal-Kummissjoni Ewropea.