Ġurnata xemxija, 64 sena ilu, inbidlet f’ġurnata li għal snin twal, ħalliet dell fuq pajjiżna.
Dan hekk kif, bħal-lum, proprju fit-23 t’Awwissu tal-1960, kien inqatel iċ-ċkejken Twanny Aquilina, fl-età ta’ tmien snin – f’każ li xxokkja lill-pajjiż u għadu fuq fomm ħafna, anke sal-lum il-ġurnata.

Twanny kien instab mejjet fir-residenza fejn kien joqgħod fil-Belt Valletta, fi Triq San Duminku, fil-Belt Valletta, għall-ħabta tas-sebgħa neqsin kwart ta’ filgħaxija.
Kuntistabbli li kien jinsab fuq xogħlu fi Strada Stretta, ġie infurmat li t-tifel kien waqa’ u miet.
Kien hawn fejn instabet sikkina tal-ħobż, imċappsa bid-demm. Is-supettati ewlenin – ommu Ġiġa, u s-sieħeb tagħha, Leli.
Huma t-tnejn, kienu qalu li ma kinux fuq il-post fil-ħin li nqatel, b’Leli jgħid li nduna x’ġara meta ra ħafna nies biswit id-dar tiegħu, b’Ġiġa jkollha verżjoni simili.
Huwa qal, li kien sab lit-tifel f’għadira demm, u meta pprova jċaqilqu, biex jara għadux ħaj, irrealizza li kellu għonqu maqtugħ.

Dan il-każ wassal għal investigazzjonijiet minn Scotland Yard, fejn instabet evidenza kontrihom, u konsegwentament ġew arrestati.
L-esperti mediċi, kienu xhedu kif Twanny, kien ingħata xeba, u kif ukoll li kienu parzjalment qatgħulu rasu.
Tfajjel ta’ 14-il sena, kien qal li ra lil Ġiġa ġġorr lil binha bla ħajja, kif ukoll li kien sema’ oġġett tal-metall jaqa’. Huwa qal kif huwa kien daħal fl-appartament u hekk kif ra l-Twanny mejjet, huwa ħasel idu u telaq mill-appartament.
Oħt Twanny, Carmen, ukoll kienet tat ix-xhieda tagħha – fejn fost l-oħrajn qalet li l-ġenituri tagħha kienu biddlu ħwejjiġhom u l-lożor. Dan filwaqt li qalet li t-tifel kien qala’ xeba, u li kienet rat lil ommha biswit iċ-ċkejken, b’sikkina tal-ħobż f’idejha.
Leli u Ġiġa, kienu nstabu ħatja li qatlu liċ-ċkejken, b’Leli jingħata sentenza ta’ 20 sena ħabs, b’xogħol ta’ tbatija, u b’Ġiġa tingħata l-piena tal-mewt.
Id-difiża kienet appellat sabiex ma tingħatax il-piena tal-mewt – b’din ġiet imneħħija ġimagħtejn wara, u minflok ingħatat sentenza ta’ għomor il-ħabs.

Għaxar snin wara, hija nħelset minn kull akkuża.
