It-12 ta’ Jannar tal-2020. Robert Abela nħatar id-disa’ Mexxej tal-Partit Laburista bħal-lum ħames snin. Huwa sar Mexxej fis-sena meta l-Partit Laburista fakkar il-mitt sena mit-twaqqif tiegħu.
Bħal-lum għamel l-ewwel indirizz tiegħu bħala Mexxej Laburista fil-Padiljun Sportiv f’Kordin. Mill-ewwel sigħat tiegħu bħala Mexxej tal-Partit Laburista, Dr Abela tkellem dwar l-għaqda bħala poplu Malti u Għawdxi.
Ħames snin li żġur ma kienux neqsin mill-isfidi. Dan hekk kif sa xahrejn wara bħala Prim Ministru ffaċċja l-isfida tal-pandemija globali.
Waqt li konna ħerġin minn pandemija, fi Frar tal-2022, bdiet il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, li waslet għal kriżi tal-enerġija. Apparti minn hekk, f’Ottubru tal-2023 intensifikat il-gwerra fil-Lvant Nofsani, bejn Iżrael u l-Ħamas.
Taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, f’Marzu tal-2022, il-Partit Laburista ppreżenta pjan ambizzjuż permezz tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’. Fl-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu ta’ dik is-sena, il-Partit Laburista ta’ Robert Abela kiseb l-akbar rebħa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana.
F’dan il-perjodu, il-Partit Laburista baqa’ jiġġedded. Bl-aħħar fażi ta’ tiġdid kienet f’Settembru li għadda, meta fost oħrajn, ġew eletti Ian Borg u Alex Agius Saliba bħala Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista.