Is-Sibt 7 ta’ Novembru l-Kavallieri tal-Ordni Sovran ta’ Malta se jiltaqgħu f’Ruma biex jeleġġu Gran Mastru ġdid ta’ din l-ordni reliġjuża tant prestiġjuża, bi kważi elf sena ta’ storja.
Dan qed isir wara li f’April li għadda miet il-Gran Mastru Fra Giacomo Dalla Torre del Tempio di Sanguinetto.
L-emminenza tiegħu kien miet fl-età ta’ 75 sena u issa se jitlaqqa’ Gran Kunsill biex jintagħżel il-wieħed u tmenin Gran Mastru tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm.
Din l-elezzjoni ta’ Gran Mastru ta’ dan l-Ordni, tiġbed interess iżda l-proċess tagħha kellu jiġġebbed xi ftit minħabba l-imxija.
Fit-tellieqa għall-għażla ta’ Gran Mastru hemm numru ta’ Kavallieri professi u li għandhom it-titlu ta’ nobbiltà.
Żewġ Kavallier Maltin, Fra John Edward Critien, li anki għamel ħames snin parti mill-Kunsill tal-Ordni u l-Marchesino Daniel de Petri Testaferrata huma fost l-eletturi biex jagħżlu l-Gran Mastru l-ġdid.
Dan l-aħħar, fl-ogħla karigi tal-Ordni ta’ San Ġwann inħoloq vojt kbir.
Il-kriżi fl-Ordni ilha ġejja minn żmien il-Gran Mastru Fra Matthew Festing li tliet snin ilu kellu jirriżenja wara li f’għajnuna umanitarja lil Myanmar kienu tqassmu xi kontraċettivi.
Fuq dan il-każ kien irriżenja Albrecht Freiherr von Boeselager, li kien il-Kanċillier tal-Ordni, li huwa ekwivalenti għal Prim Ministru jew mexxej eżekuttiv ta’ pajjiż.
Ftit wara, Papa Franġisku kien intervjena u Boeselager tpoġġa mill-ġdid fil-kariga.
Apparti minn hekk, il-Kardinal Angelo Becciu nħatar bħala delegat tal-Papa u kellu jservi ta’ gwida morali u jimbotta riformi tant meħtieġa fl-Ordni.
Dan il-Kardinal spiċċa rriżenja f’Settembru hekk kif kien involut fi ftehim kontroversjali biex tinxtara binja lussuża f’Londra bħala investiment bil-fondi tal-Knisja.
Bħalissa, dan il-ftehim jinsab taħt il-lenti t’investigazzjoni finanzjarja.
Gran Mastru jinħatar biex imexxi l-Ordni sovran ta’ Malta għal ħajtu u l-elezzjoni ssir fost il-Kavallieri proċessi nobbli biex xi ħadd jidħol fit-tmexxija mill-palazz Maġisterjali f’Ruma.
L-Ordni jwieġeb direttament lill-Papa u huwa meqjus bħala l-iżgħar stat sovran fid-dinja.
Bl-elezzjoni tal-Gran Mastru wara l-bieb, jikbru mistoqsijiet dwar bidliet fil-Kostituzzjoni tal-Ordni biex dan jibqa’ jaġġorna maż-żminijiet.
Fil-fatt għaddejja diskussjoni biex Kavallieri mhux nobbli wkoll ikollhom iċ-ċans li jmexxu l-ordni.
Dan ma jistax ikun il-każ għal din l-elezzjoni li ġejja iżda t-tibdil jidħol fis-seħħ b’tibdil fl-ogħla liġi tal-Ordni.