Fil-31 ta’ Jannar 1972, Malta bdiet ir-relazzjonijiet tagħha maċ-Ċina.
Ħamsin sena wara dan il-ftehim, ONE News tkellem mal-eks Ministru Laburista, Reno Calleja.
Calleja spjega magħna li dakinhar l-Ambaxxatur ta’ Malta għal Ruma, Carmel Mallia ppreżenta l-kredenzjali tiegħu lill-Ambaxxatur Ċiniż f’Ruma.
Spjega li Malta, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff, segwiet lill-Istati Uniti meta l-President Amerikan Richard Nixon żar iċ-Ċina.
Huwa qal li “imbagħad f’Marzu, hu (Mintoff) xahar wara li mar Nixon iċ-Ċina, mar iċ-Ċina fejn ġie ffirmat ftehim. Tawna 18-il miljun lira mingħajr imgħax, ftemu li nagħmlu n-Number 6 Dock, biex flok nibdew insewwu vapuri tal-gwerra nibdew insewwu tankers u l-Marsaxlokk Project, il-Freeport ara x’qed iħallina.”
Skont l-eks Ministru Laburista, il-proġett tar-Red China Dock wassal biex f’Malta kien hawn l-akbar baċir fil-Mediterran.
Reno Calleja spjega magħna kif dan il-ftehim wassal biex f’pajjiżna nħoloq iżjed xogħol u l-Maltin ma baqgħux jemigraw biex ifittxu ħajja aħjar ’l bogħod minn arthom.
Spjega li “r-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina ssarfu dejjem f’ġid kbir għal Malta. Fetħu żewġ fabbriki, li veru kellhom jagħlqu, imma Maltin tgħallmu jagħmlu l-ħġieġ u jagħmlu ċ-ċikkulata, għalqu imma hemm kienu. Żammejna l-ħaddiema hawn u ma marrux l-Awstralja.”
Taħt it-tmexxija tal-Perit Mintoff, f’dan l-istess żmien pajjiżna ffirma t-Trattat ta’ Difiża mar-Renju Unit, li wassal biex pajjiżna kien ħieles mill-Ingliżi fl-elf disa’ mija disgħa u sebgħin.
L-eks Ministru Laburista qal magħna storja dwar meta Ministru Ċiniż qallu li Malta hija rrispettata ħafna miċ-Ċina.
Tenna li “darba Ministru Ċiniż qalli, Reno għaliex tħobb iċ-Ċina daqshekk, għedtlu għax inħobb il-Malta iżjed u din impressjonatu. Qalli ħa ngħidlek Reno, li aħna ma’ diversi pajjiżi għandna żwieġ tal-konvenjenza u ma’ Malta għandna żwieġ ta’ mħabba. Għax lilna nerġa’ ngħid japprezzawna. Aħna l-unika gżira fil-Mediterran li aħna newtrali u non-aligned.”
Fil-preżent, ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi għadhom b’saħħithom, hekk kif matul il-pandemija ċ-Ċina tat lil Malta, tletin magna tan-nifs u tmenin elf maskra.
Din is-sena wkoll f’dan l-anniversarju, il-President ta’ Malta George Vella kellu wkoll telefonata mal-President Ċiniż Xi Jinping. B’dan tal-aħħar stieden lil Dr Vella biex iżur iċ-Ċina din is-sena.