Bħal-lum 153 sena, propju fit-18 ta’ Ottubru tal-1871, twieled il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila li twieled f’Ħaż-Żebbuġ.
Għal dan il-għan, dalgħodu, saret ċerimonja li fakkret il-memorja tal-Poeta quddiem il-monument iddedikat għalih fil-Furjana.
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici fejn spjega li, mill-kitbiet tiegħu li ħalla warajh sabiex jitgawda mill-Maltin, Dun Karm emmen li l-Maltin jisħoqqilhom jgħixu f’pajjiż indipendenti.
Madankollu spjega kif l-impenn ta’ Dun Karm lejn il-libertà u s-sovranità tal-pajjiż jinħass ukoll fl-innu tiegħu tal-1921, ‘Lil Poplu Malti’ li kien miktub fl-okkażjoni tal-għoti tal-Kostituzzjoni tal-istess sena.
Din l-attività kienet parti minn sensiela ta’ avvenimenti mfassla biex ifakkru l-wirt letterarju u storiku ta’ Dun Karm li ta kontribut imprezzabbli lejn l-identità u l-kultura Maltija.