L-20 t’Awwissu tal-2012.
Bħal-lum 12-il sena ilu ħalla din id-dinja l-eks Prim Ministru u l-eks Mexxej Laburista Dom Mintoff fl-età ta’ 96 sena. Hu twieled f’Bormla fis-6 t’Awwissu tal-1916.
Sa minn ta’ età żgħira hu tela’ pass pass fl-istrutturi tal-Partit Laburista, sakemm sar Segretarju Ġenerali u mbagħad Deputat Mexxej taħt Pawlu Boffa.
Mintoff, li kien iggradwa bħala perit mill-universitajiet ta’ Malta u Oxford, fir-Renju Unit, inħatar Deputat Prim Ministru u Ministru għar-Rikostruzzjoni fl-1947.
Sentejn wara, diżgwid bejnu u Boffa wassal biex jieħu t-tmexxija tal-Partit Laburista f’idejh biex sar ir-raba’ Mexxej tal-Partit Laburista.
Fl-1955, Mintoff sar it-tmin Prim Ministru ta’ pajjiżna. Hu rebaħ il-Gvern bl-għajta tal-Integration mal-Ingliżi, iżda l-Gvern kolonjali beda jkeċċi lill-ħaddiema, f’dawk imsejħin ir-“rundowns”.
F’dawn is-snin, Mintoff daħħal bosta liġijiet soċjali, bil-għan li jiġġieled il-faqar, li kien jiddomina dak iż-żmien. Iżda l-Gvern ta’ Mintoff nieżel tliet snin wara, minħabba li ma kienx hemm qbil mal-Gvern Brittaniku u, ftit jiem wara, seħħ l-istrajk ġenerali tal-1958.
Fis-sittinijiet, Mintoff baqa’ jmexxi lill-Partit Laburista fi żminijiet iebsin għal dawk kollha li kienu ta’ twemmin Soċjalista, partikolarment bl-interdett impost mill-Knisja tal-Arċisqof Mikiel Gonzi.
Fl-1971, Mintoff mill-ġdid reġa’ sar Prim Ministru u baqa’ fil-kariga sakemm ħalla postu lill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici f’Diċembru tal-1984.
F’dan il-perjodu, il-Gvern ta’ Mintoff ħadem fuq bosta riformi, waqt li għolla lill-batut u lill-vulnerabbli ’l fuq fis-soċjetà, grazzi wkoll għal xibka soċjali aktar imsaħħa.
Minbarra hekk, storikament ħadem biex Malta ssir Repubblika f’Diċembru tal-1974 u anke l-ftehim mal-Gvern Ingliż biex il-forzi militari jżarmaw minn pajjiżna darba għal dejjem u ġabu l-Ħelsien sħiħ fl-aħħar ta’ Marzu tal-1979.
Wara l-elezzjoni tal-1971, il-Partit Laburista taħt Mintoff rebaħ l-elezzjonijiet tal-1976 u l-1981.
Il-“Perit” baqa’ attiv fil-Parlament sal-1998 u wara ħadem biex Malta ma ssirx stat membru tal-Unjoni Ewropea. Dan anke, għax tul il-karriera politika tiegħu, insista għan-newtralità, inkluż fl-eqqel tal-Gwerra Bierda fejn ħadem mill-qrib maż-żewġ naħat.
L-aħbar tal-mewt ta’ Dom Mintoff ħalliet lil pajjiżna mbikkem, b’eluf jinġabru fit-toroq ewlenin għall-korteo li għadda minn Ħal Tarxien, il-Kottonera u quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.
Anke l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann kien ippakkjat bin-nies għall-funeral biex jagħtu l-aħħar tislima lill-Perit Mintoff, li ħafna f’pajjiżna kienu jqisuh bħala s-“Salvatur”.
Mintoff jinsab midfun fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.
Illum hawn żewġ monumenti ddedikati lill-Perit Mintoff f’pajjiżna – wieħed quddiem il-Każin tal-Banda San Ġorġ ta’ Bormla, li tagħha kien President għal snin twal; u t-tieni quddiem il-Berġa ta’ Kastilja fil-Belt Valletta, il-post li, 52 sena ilu, kien hu stess li biddlu fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, biex ħa post il-Berġa ta’ Aragona.