B’investiment ta’ madwar €100,000, ġie inawgurat spazju rikreattiv ġdid fil-promenade tal-Qbajjar f’Marsalforn fil-lokalità taż-Żebbuġ Għawdex.
Il-qofol tal-proġett kienu l-bandli l-ġodda, li saru wara li l-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ ingħata fondi minn taħrikiet tal-LESA.
Il-proġett inkluda bażi tal-konkos fejn ġie installat rubber flooring u playing equipment addattat biex jintuża kemm mit-tfal kif ukoll minn persuni bi bżonnijiet speċjali. Tħawlu wkoll xtieli indiġeni u adattati għaż-żona.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri faħħar l-impenn tal-Kunsill Lokali f’din il-lokalità.
“Proġett ieħor ta’ tisbiħ fiż-żona ta’ Santa Marija ġewwa Marsalforn, din id-darba playing field li propju qed isir mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ flimkien b’kollaborazzjoni bil-fondi tal-LESA fejn hawnhekk, propju f’din iż-żona, qed tiġi upgraded b’diversi proġetti li qed iwettaq dan il-kunsill; din id-darba wkoll b’focus partikolari lit-tfal tagħna, sabiex propju wkoll ikunu aktar spazji miftuħa b’aktar equipment, b’aktar faċilitajiet sabiex il-ħin liberu ikun jista’ jiġi propju massimizzat.”
Is-Sindku Marlene Ċini qalet li l-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ ħadem fuq bosta proġetti ta’ fejda għal Marsalforn bil-għan li jiżdiedu l-ispazji miftuħa u rikreattivi għall-familji Għawdxin u għal kull min iżur dan il-villaġġ turistiku popolari.