“B’fiduċja lejn l-għażiża Malta għandna nħarsu lejn żvilupp ekonomiku pożittiv.”
Hekk stqarr il-President fid-diskors li għamel waqt iċ-ċerimonja tal-investitura f’Jum ir-Repubblika fis-Sala tal-Gran Kunsill fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.
Fid-diskors tiegħu huwa tkellem dwar il-pandemija li qed taffaċċja d-dinja kollha. Huwa irringrazzja lill-ħaddiema kollha f’pajjiżna li għenu fil-ġlieda kontra l-virus tal-Covid-19. Dan filwaqt li sellem lill-vittmi f’pajjiżna ta’ din il-marda respiratorja. “Konxji tar-restrizzjonijiet li imponejna fuqna minħabba l-COVID, pajjiżna qiegħed b’għaqal, bil-galbu, u b’kawtela kbira, ibexxaq bil-mod il-mod il-bibien, biex jerġgħu jinfetħu l-kuntatti ma’ barra ħalli r-rota tal-ekonomija tibda terġa’ ddur… speċjalment fil-qasam tat-turiżmu, minbarra setturi oħra.”
Il-President George Vella tkellem ukoll dwar l-importanza tal-għaqda f’pajjiżna u saħaq kif bħala president tar-Repubblika ta’ Malta ser jibqa jaħdem sabiex jitnaqqsu d-differenzi ta’ bejnietna. “Il-Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali, li se nħabbar it-twaqqif tagħha dalwaqt, se tipprovdi forum newtrali li fih jistgħu jinżammu diskussjonijiet fuq bosta suġġetti, u jitwettaq programm ta’ azzjoni biex jintlaħaq l-għan li jitnaqqsu d-differenzi bejnietna.”
Huwa appella wkoll favur żvilupp sostenibbli sabiex pajjiżna jkompli jipproteġi wkoll l-ambjent li għandu. Dan filwaqt li tkellem dwar l-importanza ta’ iżjed edukazzjoni għat-tfal dwar l-użu tal-mezzi tal-komunikazzjoni sabiex ikompli jitnaqqas kliem ta’ mibgħeda online fil-konfront ta’ xulxin.
Fid-diskors tiegħu huwa tkellem ukoll dwar sfidi differenti li jaffaċjaw wħud ta’ kuljum fosthom sfidi soċjali bħal dawk li jbatu mill-vizzju tad-droga jew dawk vittmi tal-użura. Dawn flimkien ma’ problemi relatati mal-vjolenza domestika li wkoll għandhom jibqgħu fuq quddiem tal-agenda nazzjonali stqarr il-President Vella. “Ma nistgħux ninjoraw l-inġustizzji u t-tbatijiet ta’ ħaddieħor.”
Dawn huma wkoll parti mis-soċjetà tagħna, u jkun għaqli ħafna jekk nindirizzaw dawn il-problemi tagħhom billi ngħaqqdu l-isforzi tagħna u niffukaw fuq il-problemi tagħhom ilkoll flimkien… gvern, għaqdiet volontarji, individwi, professjonisti, akkademiċi, eċċ… L-empatija, it-tolleranza, l-inklużjoni u l-għaqda għandhom jibqgħu fuq quddiem nett tal-aġenda nazzjonali u politika tagħna.”
Il-President ta’ Malta George Vella kkummenta wkoll dwar il-qgħada ekonomika pożittiva ta’ pajjiżna u t-tbassir pożittiv minn entitajiet internazzjonali. Dan minkejja d-deċiżjoni tal-FATF li tpoġġi lil Malta fi proċedura ta’ aktar moniteraġġ.
Huwa stqarr kif l-iżvilupp ekonomiku pożittiv ma jseħħx waħdu u għalhekk irridu nkunu aħna li nwettquh b’talent Malti. “Jiena nemmen bis-sħiħ li għandna nħarsu ’l quddiem b’fiduċja kbira f’xulxin; fiduċja fil-kapaċitajiet tagħna, fiduċja fir-rieda tal-azzar li dejjem wera l-poplu Malti speċjalment meta sab sfidi ma’ wiċċu, u fiduċja fl-imħabba li ċert ilkoll għandna lejn l-għażiża art twelidna.”