Preżentatur fis-Slovenja spiċċa b’farrett f’wiċċu hekk kif waqt li kien qed ikanta waqgħet bozza bajda fuqu. Dan kollu ġara dirett fuq l-istazzjon nazzjonali tal-pajjiż RTV SLO waqt il-festival EMA li għażel il-kanzunetta tal-pajjiż għall-Eurovision Song Contest.
Klemen Slakonja kien qed jinterpreta l-kanzunetta rebbieħa tal-Eurovision tas-sena l-oħra ‘Arcade’ meta f’daqqa waħda waqgħet bozza kbira mdendla mas-saqaf. Il-kantant kien bilqiegħda fuq banketta jdoqq il-pjanu.
Wara dan l-inċident, ix-xandira waqfet għal ftit imbagħad kollox kompla kif pjanat wara li sar magħruf li Slakonja ndarab ħafif. Il-kanzunetta rebbieħa tal-Olanda tas-sena l-oħra kienet interpretata minn Duncan Laurence u huwa wkoll kien kanta bilqiegħda fuq il-pjanu, b’bozza bajda tixgħel imdendla.