Beppe Fenech Adami dejjem ċaħad li kellu illegalitajiet u saħansitra rebaħ libell fil-Qorti kontra ONE NEWS li żvela l-istorja.
Iżda, jirriżulta li eventwalment għamel applikazzjoni biex jissanzjona l-illegali u minn dak irrapportat fl-orizzont jirriżulta li Awtorità tal-Ippjanar qaltlu li jrid ineħħi dak li għamel bla permess u kontra r-regoli għal żoni ODZ biex imbagħad tkun tista’ tikkunsidra passi oħra.
L-Awtorità qaltlu li jrid iressaq pjan ta’ kif se jneħħi l-illegalitajiet li għandu fuq is-sit u jġibu skont il-politika tal-awtorità għal żoni ODZ.
Jirriżulta li l-applikant, jiġifieri Fenech Adami, iddikjara li se jkun qed jikkonforma ruħu ma’ din it-talba. Biex issa Beppe Fenech Adami nnifsu ammetta bl-illegalitajiet.
Kien fl-aħħar ġimgħat li kien irrapportat fil-midja kif l-eks Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista qed jipprova jillegalizza dak li għamel fil-palazz tiegħu fil-Għargħur kontra r-regoli tal-awtorità tal-ippjanar.
Il-case officer tal-awtorità tal-ippjanar propona li dak li Fenech Adami ried jissanzjona jkun irrifjutat: xi ħaġa imbarazzanti għal Fenech Adami li dejjem insista li ma kellux problemi.
Ir-rapport tal-case officer jgħid li Fenech Adami bidel art agrikola bħala parti mill-ġnien tiegħu kontra l-pjan strateġiku għaż-żona.
Fenech Adami ried jissanzjona wkoll ix-xogħol li għamel biex spiċċa bi swimming pool ikbar milli jippermettu r-regoli u passaġġi wesgħin ukoll kontra r-regoli.
Din kienet deskritta bħala l-iktar parti problematika tal-applikazzjoni. B’din il-parti tinsab barra ż-żona tal-iżvilupp, ODZ u fis-smigħ tat-tribunal tal-awtorità inġibdet l-attenzjoni dwarha iktar minn oħrajn.
Anke l-ERA, l-awtorità Maltija għar-riżorsi, oġġezzjonat għall-pjan ta’ Fenech Adami u l-istess il-kumitat għall-agrikoltura.