Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami żamm pass lura milli jkun kategoriku u jgħid bħal Kap Nazzjonalista li jagħti l-maħfra Presidenzjali lis-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Mistoqsi minn ONE News dwar jekk hu jagħmilx bħal Kap tal-Oppożizzjoni u jagħti l-proklama lil Yorgen Fenech, Beppe Fenech Adami l-ewwel qal li sema’ x’qal il-Kap.
Huwa stqarr: “Iva naturalment jiena smajt dak li qal il-Kap tal-partit Bernard Grech.”
Id-deputat Nazzjonalista qalilna li hu ma jeskludi xejn iżda naqas li jkun ċar u kategoriku bħal Bernard Grech.
Fenech Adami qal, “M’għandu qatt jeskludi li jesplora kull alternattiva.”
Beppe Fenech Adami weġibna hekk wara li l-Ħadd il-Kap tal-Partit Nazzjonalista laqqa’ b’mod urġenti l-grupp parlamentari tiegħu ftit wara li f’intervista li xxandret fuq il-midja Nazzjonalista huwa qal li jagħti maħfra Presidenzjali lis-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Fi stqarrija l-Ħadd waranofsinhar, il-Partit Nazzjonalista qal li se ssir laqgħa urġenti tal-grupp parlamentari fis-sitta ta’ filgħaxija wara l-iżviluppi fil-Qorti tas-Sibt, madankollu s-sorsi tagħna fil-Partit Nazzjonalista qalulna li Bernard Grech sejjaħ laqgħa urġenti mad-deputati tiegħu wara li ddikjara li hu jagħti l-proklami lil Yorgen Fenech.
Fil-fatt Bernard Grech qal hekk il-Ħadd filgħodu dwar is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Huwa tenna: “Jista’ jkun iva nikkonsidra imqar parti ħalli din il-persuna tagħtini l-informazzjoni li jien għandi bżonn.”
B’reazzjoni għal din id-dikjarazzjoni, il-Partit Laburista saħaq li Bernard Grech huwa Kap immatur li ma jafx xi tfisser li tieħu deċiżjoni daqstant importanti għall-pajjiż.
Il-Partit Laburista qal li d-dikjarazzjonijiet ta’ Bernard Grech dwar temi sensittivi u ta’ importanza nazzjonali huma xhieda ta’ politikant cheap li minflok tassew jemmen fl-istituzzjonijiet, iħares lejhom biss bħala għodda li jistgħu jintużaw fit-taqbida tiegħu biex hu, u dawk li poġġewh Kap, jiksbu l-poter.