Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami spiċċa mgiddeb mill-istatistika wara li għamel dikjarazzjonijiet foloz dwar il-livelli ta’ kriminalità f’pajjiżna.
Dan hekk kif b’mod żbaljat, waqt konferenza tal-aħbarijiet il-ġimgħa li għaddiet u f’diskorsi ripetuti fil-Parlament, Fenech Adami nsista li s-serq f’pajjiżna qiegħed jiżdied.
Madankollu l-istatistika uffiċjali tgiddbu dwar dan hekk kif turi li s-serq f’pajjiżna qiegħed jonqos drastikament sena wara l-oħra.
Saħansitra l-istatistika uffiċjali turi kif fi żmien meta Beppe Fenech Adami kien responsabbli mill-Korp tal-Pulizija, ir-rata ta’ serq f’pajjiżna kienet id-doppju ta’ dak li hi llum.
Waqt li fl-2013 kienu qed jiġu rrappurtati medja ta’ 25 serqa kuljum, is-sena li għaddiet ġew irrappurtati 13-il serqa kuljum.
Din is-sena, anke wara l-pandemija, ir-rata kompliet tonqos hekk kif ta’ kuljum jiġu rrappurtati 12-il serqa kuljum.
Fil-fatt wara d-dikjarazzjonijiet li għamel, il-kriminologu Saviour Formosa stieden lill-politiċi permezz ta’ kitba fuq il-profil tiegħu ta’ facebook, sabiex qabel jallarmaw liċ-ċittadini u lill-viżtitaturi f’pajjiżna, jiċċekjaw l-istatistika.
Saħaq li bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-serq, is-serq naqas f’livelli rekord.
Beppe Fenech Adami kull ma jmur qed ikompli juri li għadu ma fehemx il-ħtiġiet li fis-soċjetà tal-lum irid jaqdi l-korp.
Dan saħansitra meta jitkellem dwar l-uffiċjali tal-pulizija fl-għases u mhux fit-triq.
Dan b’kuntrast mal-Gvern li filwaqt li qed jirranġa l-għases u jarmahom b’tagħmir ta’ komunikazzjoni modern biex kull min jiġi bżonn ikun assistit malajr, qiegħed jara li l-uffiċjali tal-pulizija ikunu dejjem aktar preżenti fil-komunità.
Sa issa il-Korp tal-Pulizija diġà wettaq 70% tal-istrateġija li għandha twassal għal riforma sħiħa fil-Korp.