Dwar l-emendi li saru fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista biex filwaqt li għadu Kap Bernard Grech, Kap futur jinħatar b’metodu li jinħatar ieħor ta’ ġewwa, id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qalilna li dan gideb tal-gazzetta Kulħadd u ta’ ONE News.
Madankollu l-aħbar li inkiss inkiss saru emendi fl-istatut li jagħmluha diffiċli biex jekk ikun hemm elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista jidħol xi ħadd minn barra kif kien għamel Adrian Delia, ġiet irrappurtata oriġinarjament mill-gazzetta Maltatoday.
Il-Ġurnalist ta’ ONE News stqarr: “Daħħaltu emendi dwar il-ħatra tal-kap tal-Partit Nazzjonalista.”
Beppe Fenech Adami qal, “L-istorja li qed iġġibu fuq il-Kulħadd hija storja vvintata, bbażata fuq il-..”
Il-Ġurnalist ta’ ONE News tenna: “Din il-Maltatoday irrappurtata.”
Beppe Fenech Adami tenna: “Li qed iġġibu fil-KullĦadd u tirrepetu fuq is-Super One.”
Il-Ġurnalist ta’ ONE News reġa’ qal, “Din il-Maltatoday irrappurtata.”
Beppe Fenech Adami stqarr: “Qed ngħidlek issa.”
Il-Ħadd li għadda l-Maltatoday irrappurtat kif il-ħsieb wara dawn l-emendi kien li tkun iktar diffiċli għall-kandidat biex jasal sal-vot tat-tesserati jekk il-kandidat ma jkunx tal-qalba.
Dan hekk kif saret bidla li twassal biex il-Kunsill Ġenerali jgħarbel b’mod iktar fin l-għażla li jibgħat għand it-tesserati b’mod li jkun il-magħżul tal-establishment li jasal biex isir Kap.
Iżda għad-deputat li kien kontra Adrian Delia mill-bidu qabel sar Kap u wara li sar Kap anki sfiduċjah, dawn l-emendi għamlu lil partit wieħed iktar effiċjenti.
Fenech Adami kompla jgħid: “Huma emendi fl-istatut tal-partit biex nagħmlu l-partit, partit wieħed aktar organizzat, iktar effiċjenti.”
B’din is-sistema fejn il-vot jintiret, min iġib l-iżjed voti tal-ewwel preferenza fl-elezzjoni mhux neċessarjament isir il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
L-aħbar li saru l-emendi fis-sistema li teleġġi Kap tal-Partit Nazzjonalista kellha tkun żvelata minn gazzetta indipendenti wara li nżammet mistura għal kollox mill-pubbliku.
Madankollu skont Grech l-aqwa li kien jaf biha l-eżekuttiv.
Konferma li anke t-tesserati tal-partit stess, li fl-eventwal elezzjoni jintalbu jivvutaw, inżammew fil-għama dwar dan it-tibdil.
Meta kien mistoqsi: “Għaliex inżamm mistur dan Dr Grech?”
Bernard Grech wieġeb: “Ma nżamm bl-ebda mod mistur anzi għadda mill-eżekuttiv.”