Sorsi fil-Partit Nazzjonalista reġgħu kkonfermaw li kienet il-klikka ta’ Beppe Fenech Adami li imponiet fuq Bernard Grech biex ma joħroġx favur l-għażla tal-Prim Imħallef Emeritu, Joseph Azzopardi, bħala Kummissarju għall-Istandards.
Imbarazzat b’dak żvelat minn One News għax kien fi żmien gvern Nazzjonalista li Beppe Fenech Adami jaf sew, meta l-eks Prim Imħallef inħatar ġudikant, Fenech Adami prova jgiddeb lil ONE NEWS. Dan għamlu billi qal li hu ma marx il-laqgħa tal-grupp parlamentari għax jinsab imsiefer fuq xogħol.
Madankollu, imkien ONE NEWS ma rrapporta li Beppe Fenech Adami ressaq l-oppożizzjoni tiegħu fil-laqgħa tal-grupp parlamentari. Is-sorsi sostnew li l-fazzjoni ta’ Fenech Adami kienet ilha jiem tagħmel tali pressjoni.
Fil-fatt ONE NEWS irrapporta li “kienu Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami, u Mark Anthony Sammut l-iktar li, fil-Partit Nazzjonalista, insistew lill-Kap li n-nomina tal-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi ma tkunx aċċettata”.
Imkien One News ma qal li Beppe Fenech Adami għamel dawn l-argumenti fl-istess laqgħa tal-Erbgħa filgħaxija, għalkemm One News imbagħad ikkonferma li kien “wara laqgħa tal-grupp Parlamentari li matulha reġgħet għaddiet tal-klikka ‘tas-soltu’”. Dan għax id-deċiżjoni kienet issiġġilata f’laqgħa urġenti tal-grupp parlamentari li mbagħad segwietha stqarrija tal-Partit Nazzjonalista.
Filwaqt li ħareġ jattakka lil ONE NEWS b’fake news, Beppe Fenech Adami mkien ma ta raġuni għaliex il-Partit Nazzjonalista huwa favur nomina ta’ eks Imħallef għal Ombudsman, iżda mhux ta’ eks Prim Imħallef għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards.