Id-deputat Nazzjonalista, Toni Bezzina, kien ċar ħafna dwar il-ħsieb tiegħu għall-art protetta taħt l-Imdina u dan m’għamlux biss fl-applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-gazzetta KullĦadd żvelat tagħrif esklussiv li jgħid li Bezzina l-art kien għadu m’akkwistahiex u dan għaliex il-qbil tiegħu mal-bejjiegħa kien li jixtriha b’kundizzjoni waħda: dik li fuqha jibni l-villa li tant xtaq.
Teżisti konferma li Bezzina kien ħallas €30,000 f’depożitu u l-kumplament tal-ħlas, €270,000 oħra, kien maħsub li jsir biss jekk kemm–il darba joħroġ il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Bl-iswed fuq l-abjad hemm ċar ħafna li Bezzina kien interessat biss fil-medda art bi ġmiel naturali, int u tiela’ r-Rabat, jekk kemm–il darba kien ikun jista’ jibniha.
Iżda, il-bini tagħha jmur mhux biss kontra l-prinċipji li prova jbigħ il-Partit Nazzjonalista iżda anke kontra prinċipji ambjentali skont il-politika tal-awtorità.
Tant li mhu veru xejn li l-applikazzjoni hija aċċettabbli b’xi regola li għamel il-Gvern preżenti, li kienet żvelata l-ittra li bagħtet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li tgħid kif dak li kien qed jipproponi Toni Bezzina ma kellu qatt ikun aċċettat.
Ried jagħti forma oħra lis-sit
L-ERA nnotat fis-sottomissjoni tagħha ż-żieda fil-foot print u li kienet se tittieħed art mhix mimsusa għall-pjanijiet li għamel Bezzina. Saħansitra jingħad li dak li kien qed jipproponi Bezzina ma kienx żvilupp tipiku ta’ post rurali u għalhekk il-proposta ma setgħetx tittieħed f’dan il-kuntest.
“Speċjalment meta tinnota li s-sit huwa skedat bħala żona ta’ valur għoli (AHLV),” qalet l-ERA fl-ittra tagħha.
Intqal li Bezzina seta’ ħoloq preċedent ikrah.
“L-approvazzjoni tal-applikazzjoni toħloq preċedenti mhux mixtieqa għall-proposti tal-ġejjieni f’din iż-żona jew f’żona ODZ oħra li tista’ tirriżulta f’iktar art għal użu mhux ġustifikabbli u impatt fuq iż-żona u l-viżwal,” żiedet l-ERA.
“Fid-dawl ta’ dan kollu l-proposta hija meqjusa mhux aċċettabbli mil-lat ambjentali,” temmet tgħid l-ERA.
L-oġġezzjoni tal-ERA kienet issegwi tal-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa li nnotat kif il-mod kif Toni Bezzina preżenta l-applikazzjoni kien wieħed oġġezzjonabbli.
Kien wara li din il-gazzetta żvelat l-applikazzjoni li Toni Bezzina qal li se jirtira l-applikazzjoni tiegħu. Iżda, dan ma kienx biżżejjed għal dawn li huma midħla tal-qasam ambjentali. Filwaqt li nnotaw kif l-każ żvelat minn din il-gazzetta ta daqqa ta’ ħarta lil kredibbiltà tal-Partit Nazzjonalista u l-politika ambjentali tiegħu, sostnew li Toni Bezzina kellu jew jitkeċċa mill-Kap Simon
Busuttil jew jirriżenja. Iżda, Simon Busuttil qal li Toni Bezzina ma għamel xejn illegali jew irregolari u injora għalkollox it-talba biex jieħu passi kontra d-deputat tiegħu.
Dan mhux l-ewwel każ skandaluż ta’ Bezzina li nstab ħati li fi żmien Gvern Nazzjonalista bagħat ħaddiema tal-gvern jagħmlu xogħol fuq każin tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq u eventwalment ġegħelhom jieħdu ġurament falz. Xi ħaġa li kienet ikkonfermata mill-Qorti.