Minn Beyonce għal Zlatan Ibrahimovic: Malta tinsab fuq il-mappa tal-avjazzjoni. Hekk kiteb il-ġurnalist Andrew Cave għas-sit online tal-ġurnal famuż Forbes.
Jgħid li l-gżejjer Maltin ma jiġux f’moħħ dak li jkun mill-ewwel bħala hub internazzjonali tal-avjazzjoni. Iżda kantanti bħal Beyonce u Mariah Carey, l-attur Hugh Jackman u r-wrestler The Rock ma jaqblux. Ilkoll, jinnota l-ġurnalist, jużaw ajruplani reġsitrati f’Malta minn VistaJet, il-kumpanija Żvediża li hija l-ikbar waħda fl-Ewropa fejn jidħol l-operat ta’ private jets indipendenti.
Saħansitra Zlatan Ibrahimovic, il-footballer Żvediż li issa sejjaħ lilu nnifsu “Alla tal-Manchester”, mar għal testijiet mediċi mar-Red Devils f’ajruplan Bombardier reġistrat hawn Malta.
Cave jinnota li VistaJet mhix l-unika fil-qasam tal-avjazzjoni f’pajjiżna. Anzi, hemm 28 kumpanija u 220 aruplan li jinsabu fir-reġistru tal-avjazzjoni ta’ Malta, li twaqqaf sitt snin ilu wara s-suċċess tal-istrateġija martittima ta’ Malta.
Il-ġurnalist barrani nnota li Lufthansa topera wieħed mill-aktar ċentri effiċjenti li għandha f’Malta u li l-familja rjali kriet ajruplani bbażati Malta. Fuq stil kemxejn differenti, il-linja tal-ajru li parzjalment tappartejni lill-kantant ewlieni tal-Iron Maidem Bruce Dickinson hija bbażata hawn ukoll, bl-isem ta’ VVB Aviation.
VistaJet, li rreġistrat l-ewwel ajruplan tagħha hawn Malta fl-2013, illum għandha 55 ajruplan b’valur li jlaħħaq il-£1.8 biljun, ilkoll irreġistrati hawn Malta. Riċentement mexxiet l-uffiċju ewlieni tagħha hawn Malta, u b’hekk żiedet il-ħaddiema tagħha b’50 ruħ, mal-225 li diġa’ kellha hawnhekk. Erba’ snin ilu, jinnota l-ġurnalist, kien hawn biss 80 ħaddiem hawn Malta.