Is-67 edizzjoni tal-Grammy Awards saru kif previst minkejja l-biża li ċ-ċerimonja kienet se tiġi kkanċellata minħabba n-nirien devastanti li ħakmu Los Angeles u r-reġjun tal-madwar.
Kendrick Lamar kaxkar il-ħames kategoriji li kien innominat fihom filwaqt li Beyoncé fl-aħħar irnexxiela tirbaħ l-Album tas-Sena għall-ewwel darba bl-album ‘Cowboy Carter’.
Beyoncé, li hija l-aktar artista nnominata u rebbieħa fl-istorja tal-Grammys, kienet ġiet innominata erba’ darbiet f’din il-kategorija li qatt s’issa ma kien irnexxielha tirbaħ. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena kellha nominazzjonijiet fi ħdax-il kategorija l-istess daqs Michael Jackson u l-album ‘Thriller’ bħala l-akbar numru ta’ nominazzjonijiet għal album wieħed. Bir-rebħ ta’ dan l-unur, li kien ippreżentat lilha minn Diana Ross, Beyoncé saret l-ewwel mara ta’ kulur li rebħitu fis-seklu 21.
Fis-serata rebħet ukoll l-unur tal-Aqwa Album Country biex tellgħet it-total ta’ Grammys għall-35.
Iż-żewġ kategoriji prinċipali tad-Diska tas-Sena u l-Kanzunetta tas-Sena ntrebħu minn ‘Not Like Us’ ta’ Kendrick Lamar.
L-istilla tal-hip hop rebaħ ukoll l-unuri tal-Aqwa Diska Rap, l-Aqwa Wirja Rap u l-Aqwa Vidjo Mużikali biex rebaħ il-ħames kategoriji li kien innominat fihom. Din kienet it-tieni darba fl-istorja li diska hip hop rebħet l-unur ta’ Diska tas-Sena, bl-oħra tkun ‘This Is America’ ta’ Childish Gambino’s.
L-unur tal-Aqwa Artista Ġdida intrebaħ minn Chappell Roan fejn għamlet diskors tappella lill-kumpaniji tad-diski sabiex la qed jaqalgħu l-miljuni minn fuq l-artisti għandhom allinqas joffru salarju u kura għas-saħħa adekwata speċjalment lill-artisti ġodda.
Rebbieħa oħra kienu Sabrina Carpenter b’żewġ unuri għall-best Pop Vocal Album u Best Pop Solo Performance, Charli XCX rebħet diversi unuri inkluż Best Dance/Electronic Album, filwaqt li l-Beatles rebħu l-Aqwa Rock Performance għall-aħħar diska tagħhom ‘Now And Then’ li fiha intużaw il-vokali ġġenerati bl-intelliġenza artifiċjali ta’ John Lennon.
Doechii, kif kien mistenni, rebħet l-unur ta’ Best Rap Album.
Waqt is-serata intwera filmat tad-diżastru kkawżat min-nirien ta’ Los Angeles li kien jinkludi nies li tilfu kollox.
Shakira, li rebħet l-unur tal-aqwa album Latin Pop iddedikat it-trofew lill-immigranti fl-Istati Uniti b’riferenza għad-diportazzjoni tal-immigranti illegali ordnata minn Trump. Lady Gaga ukoll għamlet riferenza għall-miżuri ta’ Trump hekk kif wara li rċeviet l-unur flimkien ma’ Bruno Mars għall-Best Pop Duo/Group Performance, tenniet l-appoġġ tagħha għall-komunità LGBTQIA+. Filwaqt li Alicia Keys iddefendiet id-diversità meta rċeviet l-unur Dr.Dre Global Impact.