F’dan it-tmiem il-ġimgħa se ssir l-attività ‘Betlehem f’Santa Venera’, li se toffri esperjenza tal-Milied f’wieħed mill-akbar ġonna li ħallewlna l-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann.
Dan hekk kif din is-sena, għall-ewwel darba, il-pubbliku jista’ jgawdi l-Ġonna ta’ Romeo Romano u Casa Leoni, li se jkunu miftuħin għall-ewwel darba flimkien, għal din l-attività.
Dawn iż-żewġ ġonna tas-Seklu 18, oriġinarjament kienu jiffurmaw ġnien wieħed tal-Palazz tal-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena, magħruf aħjar bħala Casa Leoni, li preżentament jospita fih l-istess Ministeru.
F’dan il-ġnien wieħed jista’ jara numru kbir ta’ siġar taċ-ċitru f’pajsaġġ tipiku ta’ ġnien tal-Ordni.
L-avveniment se jinfirex fuq tliet ijiem, mit-13 sal-15 ta’ Diċembru, b’dawk li jżuru din l-attività se jkunu jistgħu jesperjenzaw l-atmosfera tal-Milied, b’xeni tradizzjonali, divertiment, stands artiġjanali, xorb u ikel tradizzjonali tal-Milied.
Il-ħinijiet tal-ftuħ se jkunu bejn it-15:00 u d-21:00 u għada bejn l-16:00 u l-22:00. Dan filwaqt li nhar il-Ħadd se tkun miftuħa bejn 12:00 u t-20:00.
Din hija opportunità unika biex tiskopri ġawhra storika f’Santa Venera, waqt li tgawdi l-ispirtu tal-Milied.
Din l-attività qed issir b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera u l-Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, u qed tiġi organizzata b’risq il-Malta Community Chest Fund.