Kien għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar tal-Ġimgħa meta f’Ħaż-Żebbuġ il-komunità nġabret madwar il-pjazza, il-bnadar niżlu mezz’asta u l-knisja mtliet sa ruħ ommha biex tingħata l-aħħar tislima lil Bernice Cassar.
Bernice, l-omm ta’ żewġt itfal ċkejknin, inqatlet kiesaħ u biered permezz ta’ tliet tiri li ġew sparati lejha fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin, f’Raħal Ġdid, il-ġimgħa l-oħra.
B’rabta ma’ dan il-każ ġie arrestat Roderick Cassar, ir-raġel tal-vittma, li bħalissa jinsab taħt arrest preventiv u jinsab mixli fil-qrati Maltin bil-qtil tagħha.
Fil-Knisja spikka l-kulur vjola, li hija sinjal u turija ta’ appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Kien Dun Joe Mizzi li għamel l-omelija waqt il-funeral ta’ Bernice Cassar. Dun Joe irrefera għaliha bħala mara li kienet taf tħobb.
“Mara ta’ ħafna kwalitajiet sbieħ illi, kemm ma’ sħabha fuq ix-xogħol, kemm mal-ħbiebha hawnhekk, fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll mal-proxxmu kollu tagħha li miegħu hi kienet tiltaqa’, dejjem kienet ta’ eżempju mill-isbaħ, mill-aqwa. Mara enerġetika, mara li tgħin, mara li tikkollabora u tfittex dejjem biss il-ġid,u qatt id-deni u l-ħsara.”
Dun Joe Mizzi għamel referenza partikolari għall-vjolenza domestika.
“Ejjew inkomplu nitgħallmu iżjed kif il-koppja, b’mod speċjali, tkompli tkun mibnija dejjem iżjed fuq ir-rispett sħiħ lejn xulxin u qatt u qatt ma jagħtu lok għall-vjolenza domestika.”
Malli ntemmet l-omelija, is-saċerdot iddeskriva lil Bernice bħala rigal u rringrazzjaha ta’ dak kollu li għamlet ma’ ta’ madwardha.
Matul il-quddiesa kollha, iddominaw is-silenzju u s-sens ta’ ġabra.
Kien biss fil-mument meta, minn wara l-ambone, binha ċ-ċkejknen qal “Grazzi, mamà!” meta fost dawk preżenti nstema’ l-ilfiq u ċ-ċapċip.
Fi tmiem il-quddiesa, Bernice Cassar inħarġet għall-aħħar darba mill-Knisja ta’ Ħaż-Żebbuġ f’xita traxxax, daqslikieku Malta bdiet tibki t-telfa ta’ waħda minn uliedha.